Disa’ żgħażagħ inqabdu mill-Pulizija wara li allegatament inqabdu jagħtu n-nar lill-binja ta’ dak li kien l-isptar St Philip’s f’Santa Venera.
Fi stqarrija l-Pulizija kkonfermat rapporti tal-bieraħ irrappurtati minn ONE News, li xi persuni kienu qed jagħtu n-nar lill-binja abbandunata.
Il-Pulizija qalet li azzjoni f’waqtha mill-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit wasslet biex żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-20 sena nqabdu jqabbdu xi kmamar tal-isptar.
Il-Pulizija qalet li kienet informazzjoni li daħlet għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar li waslet biex intervjeniet minnufih.
Fuq il-post issejħu l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw in-nirien.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr Monica Vella, li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.