Alzien Mohammed Alzien li għandu tletin sena mis-Sudan intbagħat disa’ xhur ħabs
Hu ttella’ mixli li pprova jaħrab minn Malta mit-Terminal tal-vapuri fil-Marsa bil-moħbi u li hu riċediv.
Lill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ir-raġel spjega li hu m’għandux saqaf fuq rasu, m’għandux x’jiekol jew fejn jorqod u għalhekk hu prova jaħrab mill-pajjiż.
Hu qal li jirrikonoxxi li għamel ħażin iżda sab ruħu f’sitwazzjoni ta’ disprament.
Il-Maġistrat Micallef Stafrace rrimarkat li temmen li r-raġel għandu diffikultajiet kbar iżda wissietu li jekk jikser ir-regoli, hemm konsegwenzi marbuta ma’ dan il-ksur.
Hi fakkritu li hu mistieden f’dan il-pajjiż u għandu jimxi mar-regoli stabbiliti f’dan il-pajjiż.
Il-Qorti kkundannatu għal disa’ xhur ħabs u talbet lid-Direttur tal-Ħabs biex jassigura li l-imputat jingħata l-kura meħtieġa.