Antonio Frendo, xufier ta’ taxi ta’ disgħa u sittin sena minn Birkirkara, ingħata s-sentenza ta’ disa’ xhur ħabs wara li nstab ħati li kien fil-pussess ta’ raża tal-kannabis f’ċirkostanzi li wrew li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.
Il-każ seħħ f’Diċembru tal-elfejn u disgħa, meta wara li rċeviet informazzjoni kunfidenzjali, il-Pulizija wettqet tfittxija fit-taxi tal-imputat – li kien stazzjonat f’Paceville – allura f’post iffrekwentat miż-żgħażagħ.
Id-droga kienet fit-tapp tat-tank tal-petrol filwaqt li fuq l-akkużat instab ukoll amont ta’ flus kontanti.
Fil-Qorti, l-akkużat insista li d-droga kienet għalih biss, iżda l-Qorti nnutat diversi ikonsistenzi fil-verżjonijiet tiegħu u rat ukoll nuqqas ta’ kredibbiltà fl-istqarrijiet tiegħu.
L-imputat instab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Għaldaqstant il-Qorti kkundannatu disa’ xhur ħabs u mmultatu disa’ mija u ħamsin ewro.