Bħal-lum disa’ snin miet l-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, il-Perit Dom Mintoff.
Kienet lejla sajfija fl-20 t’Awwissu tal-2012, meta tħabbret il-mewt ta’ statista fl-età ta’ 96 sena.
Mintoff jibqa’ mfakkar l-aktar li meta kien Prim Ministru ta’ Malta fis-sebgħinijiet mexxa politika ta’ newtralità sabiex jiżġura l-paċi fir-reġjun tal-Mediterran.
Fl-1972 huwa jibqa’ mfakkar għan-negozjati iebsin mal-Inglizi sabiex wassal għar-reviżjoni tal-iffirmar ta’ trattat ta’ difiża mar-Renju Unit.
Dan wassal biex pajjiżna kien se jkun ħieles minn bażijiet militari sa Marzu tal-1979, waqt li tul dawn is-seba’ snin l-Inglizi kienu qed iħallsu £14-il miljun kull sena talli kienu fuq l-art tal-Maltin.
Taħt it-tmexxija ta’ Mintoff saret emenda fil-kostituzzjoni ta’ pajjiżna li wassal biex minn Monarkija, Malta ssir Repubblika.
Huwa jibqa’ magħruf ukoll għall-kisbiet soċjali, b’dan il-legat għandu jinħass sal-lum il-ġurnata.