Eritrean ta’ wieħed u tletin sena ġie kkundannat disa’ snin ħabs wara li nstab ħati li lura fl-elfejn u tmintax stupra mara fuq bonnet ta’ karozza f’parkeġġ ta’ diskoteka f’Paceville.
Il-każ beda jiġi investigat wara li l-prosekuzzjoni sabu lill-vittma tibki fil-parkeġġ ta’ dak li kienet id-diskoteka Axis.
It-tfajla qalet lill-Pulizija li kienet gidmitu f’wiċċu biex tiddefendi lilha nnifisha.
Ir-raġel ġie arrestat wara li twaqqaf minn persuni li nzertaw fl-inħawi.
Fil-Qorti, it-tfajla xehdet li kollox beda meta kienet ma’ ħabib tagħha u ħarġet biex tpejjep sigarett, fejn mar fuqha raġel li kien jitkellem bil-Franċiż.
Hija kompliet tixhed li hu baqa’ miexi magħha fejn kien hawn li ħatafa u stupraha fuq il-bonnet tal-karozza.
Test mediku kkonferma li l-mara ġiet stuprata u ġarrbet bosta ġrieħi kawża tal-attakk vjolenti.
L-Eritrean ċaħad l-akkużi kontrih u talab lill-Pulizija biex jistaqsu lit-tfajla jekk hux miġnuna.
Il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li dan ir-reat iqanqal sens ta’ tkexkix u stmerrija, u sostniet ukoll li l-imputat wera li dak li ma kienx kapaċi jakkwista bis-sewwa, ħadu bid-dnewwa.
Il-Maġistrat kompliet tgħid li persuna li tiġi stuprata hi persuna sfreġjata għal għomorha u l-Qorti hi fid-dover li tassigura li reati ta’ din ix-xorta jiġu kkundannati.