Disa’ skejjel Primarji u Sekondarji se jniedu proġetti biex itejbu l-konservazzjoni tal-ilma. Dawn ivarjaw minn sistemi biex jinħażen l-ilma tax-xita għat-tisqija tal-pjanti, installazzjoni ta’ funtani tal-ilma għax-xorb kif ukoll kampanji favur l-immaniġġjar aħjar tal-ilma għall-istudenti u l-istaff tal-iskola kollha.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano, faħħar il-kontribuzzjoni ta’ dawn l-iskejjel u l-bidu ta’ dawn il-proġetti innovattivi.
“Illum nidejna numru ta’ proġetti dwar il-konservazzjoni tal-ilma – proġetti li ġew żviluppati mill-istudenti fl-iskejjel tagħhom stess u proġetti li għandhom ukoll element edukattiv; u allura, se jwasslu biex l-istudenti fl-iskejjel tagħna jitgħallmu dwar l-importanza ta’ dan ir-riżors, ukoll iwasslu dan il-messaġġ lill-qrabathom, il-ħbieb tagħhom u b’hekk noħolqu dan il-messaġġ importanti dwar il-konservazzjoni tal-ilma f’pajjiżna.”
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, tenniet tgħid kif dawn il-proġetti mhux biss se jżidu l-għarfien fost it-tfal, iżda se jkunu qed jgħinu wkoll lill-iskejjel infushom.
“Proġetti bħal dawn ikomplu jżidu l-għarfien fost it-tfal tagħna dwar l-importanza li ma jinħeliex l-ilma. Apparti li huma proġetti li se jgħinu lill-iskejjel biex jikkonservaw l-ilma, nemmen li huma edukattivi fihom infushom li permezz tagħhom it-tfal tagħna jitgħallmu aktar dwar il-ħtieġa li nipproteġu l-ilma tagħna, u dik l-edukazzjoni nemmen tista’ tasal ukoll għand il-kbar.”