Fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas f’Ħaż-Żebbuġ, ittellgħet ċerimonja ta’ gradwazzjoni bit-tema ‘Sfidi u Suċċess’ għal disa’ residenti, li lestew b’suċċess il-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga tal-Caritas Malta.
Fil-preżenza tal-fundatur tal-istess Caritas, Monsinjur Victor Grech, l-Isqof Awżilarju Joseph Galea-Curmi, il-Vigarju Episkopali tad-Djakonija, Charles Cordina, u għadd ta’ persuni li għadhom qed jingħataw servizz bħal dawk f’Dar Charles Miceli u fiċ-Ċentru Terapewtiku għall-Adolexxenti ‘Tal-Ibwar’, iċ-ċerimonja kienet ikkaratterizzata minn mumenti ta’ emozzjonijiet kbar, hekk kif dawn id-disa’ individwi rnexxielhom jikkonkludu traġitt twil, imma sodisfaċenti, li jinqatgħu kompletament mill-vizzju tad-droga.
Grazzi għall-ħolma ta’ Monsinjur Victor Grech, il-Caritas ilha tgħin persuni bil-vizzju tad-droga f’pajjiżna għal dawn l-aħħar ħamsa u tletin sena.