Disa’ pitturi li jifformaw parti mill-kollezzjoni nazzjonali u li se jkunu esebiti wkoll fil-mużew il-ġdid tal-arti, il-MUŻA, jinsabu esebiti b’mod prominent fil-wirja ‘Mediterraneo in Chiaroscuro – Ribera, Stomer e Preti da Malta a Roma’ f’Palazzo Barberini f’Ruma.
Fost il-pitturi mislufin għal din il-wirja jinkludu dawk tal-artisti Jusepe de Ribera, Mattias Stom u Francesco de Mura. Dawn jinsabu esebiti ħdejn pitturi oħrajn li jifformaw parti mill-kollezzjoni ta’ Palazzo Barberini. Il-wirja tgħaqqad lil artisti barranin, fosthom ukoll dawk li ġejjin minn ċentri ta’ produzzjoni artistiċi Taljani, li għexu f’Ruma u kienu segwaċi tal-pittur Caravaggio u tal-istil tiegħu magħruf bħala ‘chiaroscuro’. Il-wirja se tibqa’ miftuħa sal-21 ta’ Mejju fil-Gallerija Nazzjonali tal-Arti f’Palazzo Barberini.
Din hija l-ewwel darba li pitturi mill-kollezzjoni nazzjonali qegħdin ikunu esebiti flimkien ma’ pitturi mill-kollezzjoni ta’ Ruma. Ir-relazzjoni storika u artistika bejn Malta u Ruma tmur lura sas-Seklu Sbatax meta l-ewwel Caravaggio u mbagħad Mattia Preti ħallew il-marka tagħhom fl-istorja rikka tal-arti u kulturali ta’ pajjiżna. Il-pitturi huma ta’ San Stiefnu ta’ Jusepe de Ribera, In-niket fuq il-ġisem mejjet ta’ Abel, Qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann il-Battista, il-Parabbola tas-Samaritan it-tajjeb ta’ Matthias Stom, u l-Allegorija ta’ Malta ta’ Francesco de Mura.
Il-pitturi qegħdin esebiti f’ordni li jitfgħu iktar sinjifikat fuq ir-relazzjoni bejn iż-żewġ kollezzjonijiet, jagħtu lok ukoll lil studjużi u dilettanti tal-arti li jagħrblu u jiddiskutu x-xogħlijiet miż-żewġ kollezzjonijiet. Każ partikolari huwa tal-pittura ta’ Heraclitus, magħrufa wkoll bħala l-Bikja tal-Filosofu. Dan għax qegħdin jiġu diskussi punti oħrajn ġodda fuq din il-pittura.
Dan is-self ta’ pitturi minn Heritage Malta jagħti bidu għal kollaborazzjoni ġdida u twila bejn iż-żewġ mużewijiet, wara li ż-żewġ mużewijiet qegħdin jibnu fuq kunċetti tas-Seklu 21. Il-ftuħ ta’ din il-wirja kien nhar l-Erbgħa filgħaxija u l-Ministru tal-Kultura Taljan, Dario Franceschini, ukoll enfasizza fuq l-importanza ta’ din il-kollaborazzjoni.
Din il-wirja tifforma parti mill-avvenimenti tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u hija possibbli bl-appoġġ tal-Kunsill Malti tal-Arti. Il-kuraturi li qegħdin jieħdu ħsieb il-wirja huma Alessandro Cosma mill-Gallerija Nazzjonali tal-Arti ta’ Ruma u Sandro Debono, Kuratur ta’ MUŻA Heritage Malta. Kontributuri fil-katalgu tal-wirja jinkludu wkoll lil Gabriele Finaldi, Direttur tal-Gallerija Nazzjonali ta’ Londra, Mario Epifani, eks-direttur ta’ Armerie Reali ta’ Turin, Viviana Farina u Claudio Malice mill-Akkademja tal-Arti f’Napli.