Disa’ persuni oħra fiequ mill-Coronavirus f’pajjiżna.
Bit-total ta’ nies imfejqa minn dan il-virus tela’ għal 485.
Dawn id-dettalji ħabbrithom is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Fl-aħħar sigħat saru ftit aktar minn 800 test, b’każ wieħed biss rriżulta fil-pożittiv għall-Covid-19.
Preżentament pajjiżna għandu 120 każ attiv.
Ħadd mill-persuni infettati mhu qed jingħata l-kura fit-taqsima tal-kura intensiva.
Il-Professur Gauci qalet li f’xahrejn mindu feġġ l-ewwel każ f’pajjiżna, l-Awtoritajiet tas-saħħa wettqu wieħed u sittin elf sitt mija u ħmistax-il test.
Hija dehret sodisfatta bil-koperazzjoni tal-pubbliku hekk kif reġgħu fetħu l-ħwienet tas-sbuħija u r-restoranti.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika stqarret: “Jekk inti timxi ma dawn il-miżuri ta’ mitigazzjoni huwa safe li tmur tiekol f’ristorant. L-importanti li l-miżuri jiġu segwiti.”
Il-Professur Charmaine Gauci qalet li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi huwa fil-pjan tal-Awtoritajiet tas-saħħa li jiġu rilaxxati aktar miżuri.
Hija kompliet tgħid: “U ladarba aħna nibqgħu għaddejjin f’din is-sitwazzjoni, aħna nibqgħu nadattaw f’dan in-normal ġdid li qegħdin ngħixu fih.”