Wara diversi ġimgħat t’osservazzjoni, Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u dawk mill-Special Intervention Unit, wasslet għall-arrest ta’ 9 persuni waqt rejd li sar ġewwa garaxx fi Triq Mejjilla, Ħal Qormi.
Dawn il-persuni, 8 irġiel u mara li l-eta’ tagħhom tvarja bejn it-30 sena u it-62 sena ġew arrestati wara li fil-vetturi tal-persuni u fl-istess garaxx instabet ammont ta’ droga suspettata kokaina li kienet lesta biex tiġi traffikata, mwieżen eletroniċi, diversi qratas bi trab abjad allegatament kokaina u oġġetti oħra li jintużaw fl-abbuż u l-bejħ ta’ l-istess sustanza.
Fl-istess post instabu żewġ armi tan-nar mhux liċenzjati, filwaqt li fil-pussess ta’ sid il-fond instabu ukoll madwar €3,000 fi flus kontanti.
L-investigazzjonijiet rigward dan il-każ għadhom għaddejin filwaqt li mhux eskluż li jitressqu xi persuni l-Qorti fis-sigħat li ġejjin akkużati bi traffikar u pussess ta’ droga.
Investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.