Mill-anqas 76 persuna mietu f’nar li ħakem lukanda fi skijing resort popolari fit-Turkija, b’ħafna mir-residenti jispiċċaw jaqbżu mit-twieqi.
Il-Grand Kartal Hotel f’Bolu hija lukanda miksija bl-injam ta’ tnax-il sular u n-nirien bdew għall-ħabta tat-3:30 ta’ sbieħ it-Tlieta filgħodu ħin tat-Turkija hekk kif dan huwa perjodu popolari mal-viżitaturi b’234 persuna kienu qed jalloġjaw fil-lukanda.
L-ewwel figuri kienu qalu li l-mejta kienu 10 iżda hekk kif beda jisbaħ il-Ministru tal-Intern Tork qal li kienu ħafna aktar u mill-anqas żewġ persuni tilfu ħajjithom meta qabżu minn ġot twieqi.
In-nar dam tnax-il siegħa biex intefa’ u l-Ministru tal-Ġustizzja iddikjara li 9 persuni kienu arrestati, inkluż sid il-lukanda, b’rabta ma’ dan l-inċident.
Għadhom ma ġewx identifikati l-mejta kollha iżda fosthom hemm għawwiema ta’ 10 snin, kok żagħżugħ tal-lukanda, it-tifla ta’ negozjant popolari fit-Turkija flimkien ma’ bintha ta’ 17-il sena, ġurnalist tal-gazzetta Sozcu flimkien ma’ martu u żewġ uliedhom ta’ 18 u 22 sena kif ukoll id-dekan tal-Ozyegin University Business School.
Missier li mar ifittex lil bintu kellu jiġi ttrattat minħabba attakk tal-qalb. Il-Ministru tas-Saħħa Kemal Memisoglu qal li fost-il 51 persuna midruba, wieħed kien qed jirċievi kura fit-taqsima intensiva filwaqt li 17-il persuna kienu ġew rilaxxati mill-isptar.
Il-kawża tan-nirien għadha mhux magħrufa iżda l-gvernatur ta’ Bolu qal li rapporti inizjali jindikaw li dan beda fir-ristorant li jinsab fir-raba’ sular u infirex fis-sulari ta’ fuq. Huwa qal li d-distanza bejn il-lukanda li tinsab f’Kartalkaya għaċ-ċentru ta’ Bolu kif ukoll il-kundizzjonijiet tat-temp iffriżat, kienu l-kawża li l-pumpiera ħadu aktar minn siegħa biex waslu fuq il-post hekk kif is-servizzi tal-emerġenza bagħtu 276 ħaddiem biex jassistu fit-tifi tan-nar.
Il-lukanda kienet ġiet spezzjonata s-sena l-oħra u l-Ministru tat-Turiżmu qal li qabel l-inċident tat-Tlieta ma’ kien hemm l-ebda suspett dwar is-sistemi tas-sigurtà fil-lukanda, iżda l-Union of Chambers of Turkish Engineers and Architects qed tinsisti li skont ir-regolamenti suppost kienet attrezzata b’sistema awtomatika ta’ tifi tan-nar hekk kif fir-ritratti kien jidher li s-sistema awtomatika tal-isprinklers ma kinitx installata.
Il-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdogan b’messaġġ fuq X qal li dawk responsabbli li kkawżaw n-nirien b’negliġenza kienu se jpattu għal għemilhom filwaqt li iddikjara ġurnata ta’ luttu nazzjonali.