Disa’ pajjiżi tal-Mediterran iffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Malta dwar it-triq ’il quddiem fis-settur tat-turiżmu. Dan hekk kif fil-jum tal-Erbgħa, f’Dar il-Mediterran saret laqgħa ministerjali tal-Mediterranean Summit Forum, fejn ħadu sehem ministri jew ambaxxaturi minn Malta, il-Kroazja, Ċipru, il-Ġreċja, Spanja, Italja, il-Libja, il-Palestina u l-Eġittu.
Matul dan is-summit ġew diskussi l-isfidi tat-tibdil fil-klima, li qed tolqot lir-reġjun tal-Mediterran u b’hekk għandu jkun hemm is-sostenibilità fis-settur u d-diġitalizzazzjoni fl-era li qegħdin ngħixu fiha llum.
F’din id-dikjarazzjoni d-disa’ pajjiżi qablu li jkun hemm aktar koperazzjoni bejn il-pajjiżi kollha tal-Mediterran biex is-suq turistiku jibqa’ wieħed kompetittiv u r-reġjun ikun wieħed mill-aqwa destinazzjonijiet fid-dinja. F’dan il-ftehim, il-pajjiżi qablu wkoll li jkun hemm aktar żvilupp fil-koperazzjoni tan-niċeċ turistiċi, fosthom dawk reliġjużi u sportivi.
Fid-dikjarazzjoni hemm ukoll li tingħata promozzjoni lil turiżmu sostenibbli responsabbli u ta’ kwalità, waqt li jkunu assistiti biex ikun hemm aktar qalba diġitali biex ir-reġjun jibqa’ wieħed kompetittiv.
F’kummenti lill-midja fl-aħħar ta’ dan is-summit, il-Ministru Clayton Bartolo sostna li din id-dikjarazzjoni ssaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Mediterran fis-settur turistiku.
Qal, “U nħarsu ’l quddiem li din tal-lum tkun biss il-pedament għal aktar diskussjoni u fuq kollox implimentazzjoni ta’ kordinament bejn dawn il-pajjiżi kollha fil-Mediterran. Diġà hemm diskussjonijiet għaddejjin u se jkun hemm ukoll iffirmar ta’ ftehim mal-Greċja, li se jsir proprju għada, biex b’hekk aħna naraw li dak li llum ġie maqbul fuqu, b’mod tanġibbli jkun jista’ jimxi ’l quddiem.”
Il-pajjiżi rringrazzjaw lill-awtoritajiet ta’ pajjiżna biex saret din il-laqgħa dwar dan is-settur importanti.
Sadanittant, fil-marġini ta’ dan is-summit, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo kellu laqgħat bilaterali mal-Ministri tat-Turiżmu tal-Greċja u tal-Kroazja.