F’Malta, id-disa’ pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea ffirmaw stqarrija konġunta biex jikkoperaw aktar bejniethom fis-settur tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija Malti, Silvio Schembri, fi tmiem il-laqgħa tal-MED 9 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
Dan intqal fi tmiem il-laqgħat li saru l-Erbgħa, fl-MFCC f’Ta’ Qali, waqt li għaddejja expo dwar dan is-settur imsejjaħ bħala TECHXPO.
Il-Ministru Schembri sostna li d-disa’ pajjiżi qablu li jsir investiment robust fl-infrastruttura tal-AI u biex jinħolqu ċentri madwar ir-reġjun ta’ riċekrka u l-innovazzjoni, biex ikun hemm start-ups u intrapriżi ġodda.
Id-disa’ pajjiżi qablu wkoll biex jużaw it-teknoloġiji li jaħdmu bl-AI biex jiġġieldu kontra s-cyber crime. Dan filwaqt li tissaħħaħ il-koperazzjoni reġjonali biex jgħinu lil xulxin bl-aqwa pratiċi li għandhom b’din it-teknoloġija, f’każijiet ta’ diżastri naturali u pandemija.
Apparti, id-disa’ rappreżentanti tal-Gvernijiet kien hemm preżenti wkoll id-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Komunikazzjoni, Kontenut u Teknoloġija, Roberto Viola.
Fid-diskors tiegħu, huwa qal li pajjiżna huwa fuq quddiem nett fis-settur tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Ewropa u anki fir-reġjun tal-Mediterran.
Din il-laqgħa kienet it-tielet laqgħa Ministerjali tal-MED 9 wara l-laqgħa dwar l-enerġija f’Mejju u l-laqgħa dwar l-affarijiet barranin, il-ġimgħa l-oħra.
Dawn il-laqgħat saru bi preparazzjoni għal-laqgħa tal-Mexxejja tad-disa’ pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea, li se ssir il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru li ġej.
Hawnhekk id-disa’ mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea se jkunu qed jintlaqgħu mill-Prim Ministru Malti, Robert Abela.
Preżenti għal din il-laqgħa għolja mistennija jkun hawn il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel.