Disa’ persuni rriżultaw pożittiv għal Coronavirus minn mitejn tlieta u tletin test li ttieħdu l-Ġimgħa.
F’konferenza tal-aħbarijiet is-supretendent tas-saħħa pubblika Charmaine Gauci qalet li issa l-każijiet ta’ persuni pożittivi għall-Covid-19 telgħu għal tlieta u sebgħin każ.
Il-Professur Gauci qalet li anzjan b’kumplikazzjonijiet f’saħħtu minħabba pneumonia bilaterali ddaħħal fit-taqsima tal-Kura Intensiva wara li żviluppawlu kumplikazzjonijiet fil-pulmun u ma jinsabx f’qagħda stabbli.
Fost il-każijiet l-ġodda hemm tfajla Maltija ta’ wieħed u għoxrin sena, li minkejja li ma kinitx imsiefra kellha persuna viċin tagħha li kienet imsiefra. It-tfajla l-aħħar li attendiet l-universita kien fl-għaxra ta’ Marzu, għaldaqstant ir-riskju ta’ tixrid huwa minimu.
Somalu ta’ erbgħa u erbgħin sena li mar Brussell, irriżulta pożittv għal Covid19. Huwa obda d-direttiva ta’ kwarantina meta ġie minn Brussell, bl-unika żewġ persuni li kellhom kuntatt miegħu huma dawk li jgħixu miegħu.
Barrani ieħor ta’ wieħed u erbgħin sena, miżżewweġ Maltija wkoll ittestja pożittiv. F’każ separat, Malti ta’ ħamsa u ħamsin sena ukoll ġie infettat.
Il-Professur Gauci qalet li dawn iż-żewġ t’irġiel ma kinux imsefrin u ma kellhomx kuntatt ma’ xi ħadd li huwa pozittiv. Għaldaqstant qed jiġu traċċati n-nies li kellhom kuntatt magħhom.
Każ ieħor huwa ta’ tfajla Maltija ta’ ħamsa u għoxrin sena li tgħix l-Ingilterra u ġiet Malta fl-aħħar jiem. Hija qagħdet kwarantina anki wara li s-sintomi ħarġulha meta waslet Malta.
Taljana ta’ 24 sena li tgħix l-Awstralja u ġiet Malta ukoll rriżultat pożittiv għal Coronavirus. Bit-tfajla kienet kwarantina.
Il-Professur Charmaine Gauci qalet li hemm ta’ mara Maltija ta’ disgħa u erbgħin sena, li taħdem fi skola. Il-mara ma sifritx, imma kellha kuntatt ma’ persuna li kienet siefret.
Każ ieħor ikkonfermat huwa ta’ Indjan ta’ 30 sena li ma jaħdimx u ma sifirx. Huwa jgħix ma’ persuna oħra nfettata u li kienet imsiefra.
Id-disa każ ġdid huwa ta’ Ingliża ta’ tmienja u sittin sena li ġiet mir-Renju Unit u kienet kwarantina.
Il-Professur Charmaine Gauci tkellmet dwar każ partikolari ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li taħdem fi spiżerija f’Ħal Balzan u li rriżultat pożittiv għall-coronavirus. Appellat sabiex dawk kollha li żaru din l-ispiżerija fis-16 u s-17 ta’ Marzu għandhom jiżolaw ruħhom.
Dwar rapporti li dehru fil-midja dwar impjegat li ħassu ma jiflaħx u li jaħdem f’fergħa tal-Bank of Valletta tal-Ibraġġ, il-Professur Gauci sostniet li ma hemm l-ebda persuna li taħdem f’bank li rriżultat pożittiv għal Coronavirus.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika aċċennat biex in-nies iżommu d-distanza meta joħorġu għal bżonn.
Il-Professur Charmaine Gauci tenniet l-appell importanti sabiex ħadd ma joħroġ bla bżonn.
Temmet tispjega li minn tlieta u sebgħin każ, għoxrin persuna baqgħu fi djarhom hekk kif ma kienx jeħtieġilhom kura l-isptar.