Is-Servizz Pubbliku rnexxielu jwettaq it-tiġdid bla preċedent tiegħu nnifsu f’dawn l-aħħar disa’ snin għax infilsa l-kwalità f’dak kollu li jagħmel.
Il-kwalità hija karatteristika essenzjali u inkorporata intrinsikament fis-servizzi kollha u fil-mod kif jingħataw, u fuqha hu msejjes il-kunċett ta’ eċċellenza li s-Servizz Pubbliku qed jaspira għalih.
Dan intqal mis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar, meta żar dipartimenti u entitajiet fi ħdan is-Servizz Pubbliku li s-servizz eċċellenti li jagħtu ġie rikonoxxut bil-Quality Award.
Dawn huma d-Dipartiment tal-Informazzjoni, it-Taxpayer Service servizz.gov, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti u Servizzi Ewropej f’Malta. Iż-żjarat saru bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022, li għandha t-tema ‘Ninvestu fil-Kwalità’.
Il-Quality Award beda jingħata fl-2019 u baqa’ jingħata kull sena. S’issa kien hemm disa’ dipartimenti u entitajiet li ngħataw dan ir-rikonoxximent prestiġjuż. Aktar Quality Awards se jitqassmu fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022.