Id-diriġent influwenti tat-taqsima tal-karozzi ta’ Red Bull Helmut Marko ried li s-sewwieqa kollha tat-tim inkluż dawk li jtellqu fil-Formula 1, jiġu nfettati bil-Coronavirus.
Marko ta’ 76 sena għadda dawn il-kummenti lill-istazzjoni nazzjonali Awstrijak, fejn qal li s-sewwieqa u membri influwenti oħra ta’ Red Bull għandhom jimirdu issa biex ikunu b’saħħithom hekk kif jibdew l-kampjonati tal-motorsport.
Żied li jkun għaqli li jgħajjat lill-membri tat-tim tiegħu flimkien sabiex kollha jiġu nfettati bil-coronavirus ħalli jiksbu l-immunità u b’hekk ma jimirdux bil-virus meta jibdew il-kampjonati.
Marko żied jgħid li s-sewwieqa u l-membri l-oħra huma kollha rġiel b’saħħithom b’kundizzjoni ta’ saħħa mill-aqwa.
Dan is-suġġeriment stramb qajjem kontroversja kbira fl-Awstrija, u forsi ma kinitx sorpriża li r-Red Bull kienu kontra din l-idea, tant li skartawha minnufih.