Meta l-ħaddiema jkunu sodisfatti bl-impjieg tagħhom dan ma jkunx ta’ benifiċċju biss għalihom, iżda ukoll għal min iħaddem għaliex tiżdied il-produttività u l-kreattività fuq il-post tax-xogħol.
Dan intqal mid-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Metalform, Ian Restall, waqt żjara li għamel fil-fabbrika s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul.
Il-Fabbrika Metalform, li hija sussidjara ta’ kumpanija Ġermaniża ilha mwaqqfa f’pajjiżna għal aktar minn 30 sena u llum il-ġurnata tħaddem ’il fuq minn 300 impjegat.
Il-kumpanija, li topera fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far, tipproduċi apparat mediku speċjalizzat għall-qasam tal-pedjatrija u l-onkoloġija li mbagħad jiġi esportat lejn pajjiżi barra minn xtutna, fosthom il-Ġermanja u l-Awstrija.
Ian Restall qal li l-kumpanija tieħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tagħha bis-serjetà.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Ellul qal li s-suċċess ta’ din il-fabbrika mhux biss huwa riżultat tal-għajnuna li l-Gvern jagħti iżda wkoll tal-impjegati.