Il-ġurnalist t’esperjenza Saviour Balzan saħaq li hemm direttur ieħor qabel l-eks Diretturi Maniġerjali ta’ Allied Newspapers, responsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times, li għandu kontijiet ġewwa l-Iżvizzera biex fihom qiegħed flus ġejjin minn perkaċċi minn nies li kienu marbutin mal-bejgħ ta’ karta u stamperiji.
F’artiklu bit-titlu ‘Idaħħaknix’ fuq il-gazzetta Illum, Saviour Balzan kiteb li l-istorja ta’ negozju privat bejn Keith Schembri, Adrian Hillman u Vincent Buhagiar, żewġ eks direttur Maniġerjali tal-Allied, hija parti minn storja akbar.
Qal li ladarba hawn min irid jisfidah, ħa jitfa’ kubrita żgħira.
Kien hawn li kiteb allegazzjoni serja oħra fil-konfront tal-kumpanija responsabbli mit-Times.
Id-Direttur Eżekuttiv tal-Mediatoday qal li dawn il-każijiet forsi ilhom preskritti, imma lil hinn minn dan trid biss tħares lejn l-istil ta’ ħajja ta’ min mexxa t-Times u mhux biss għex komdu iżda investa dawn il-flus, li ċertament kellhom oriġini dubjuż.
Semma kif dawn il-flus marru fid-djar ta’ dawn in-nies u fil-blokok f’Tower Road.
Rapporti fil-midja qalu wkoll li inkjesta Maġisterjal talbet ukoll investigazzjoni fuq Michel Rizzo, id-Direttur Maniġerjali preżenti tal-Allied Newspapers.
Dwar l-istorja żvelata mill-Illum ġimgħa ilu, fejn qed jiġi allegat li tat-Times setgħet frodat mat-tliet kwarti ta’ miljun ewro lil Malta Enterprise fi żmien il-Gvern ta’ GonziPN, Saviour Balzan staqsa, “Għidli kif aħna nistgħu nitolbu għajnuna mingħand il-Gvern biex jaħseb fina meta minn fostna hawn min ħawwad b’dan il-mod?”
Hawnhekk Balzan irribatta l-argument tat-Times li din il-ġimgħa qalet li hi vittma quddiem l-istejjer li ħarġu wara li eks direttur tal-Allied tressaq fl-iżbarra tal-Qorti mixli bi frodi fost oħrajn.
L-editur tat-Times spiċċa qal li Allied Newspapers ma tindaħalx fil-linja editorjali tal-gazzetta iżda hawn Balzan tenna mod ieħor u saħaq li l-argument tat-Times huwa wieħed fjakk.
Balzan semma wkoll li tliet snin ilu tat-Times ħolqu storja fuq tal-Maltatoday għax aġenzija rinomata bagħtet artiklu kummerċjali dwar l-Electrogas lill-Maltatoday.
Balzan saħaq li għal dan l-artiklu tal-Mediatoday ma tħallsux imbagħad semma r-rabtiet tat-Times mal-grupp tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
“Ejja naqbdu r-riklamar kollu tal-aħħar għoxrin sena minn Tumas li ngħata lit-Times u dak li ngħata lill-MediaToday forsi nifhmu minn ħa l-aktar. Naraw min ikkritika lil ta’ Tumas l-aktar u biex ma ninsiex minn ħa u kiel minn fuq il-Fondazzjoni Tumas Fenech u min aċċetta premijiet mill-istess fondazzjoni u min anke uża s-servizzi ta’ Tumas bħala ġurnalista”, saħaq Balzan b’botti diretti lejn tat-Times.
Balzan għalaq l-artiklu billi semma lill-eks chief of staff ta’ Austin Gatt.
L-eks Ministru Austin Gatt ukoll kellu kont l-Iżvizzera u nqabad li ma kienx iddikjarah fid-dikjarazzjoni tal-assi.
Lil Manuel Delia, Balzan qallu jekk kienx fetaħ ħalqu meta dak li sejjaħlu bħala l-parrinu tiegħu, jiġifieri Austin Gatt, sar magħruf li kellu sitt mitt elf ewro mhux iddikjarati f’kont fl-Iżvizzera.