Claude Zammit Trevisan inħatar bħala Direttur il-ġdid tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu fi Franza.
Ibbażat fl-Ambaxxata ta’ Malta f’Pariġi, Zammit Trevisan se jmexxi t-tim fi Franza filwaqt li jissorvelja l-eżekuzzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ marketing għar-reġjun. L-għan hu li tkompli tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Franza bħala wieħed mis-swieq ewlenin tas-sors turistiku ta’ Malta.
Claude Zammit Trevisan ingħaqad mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fl-1999 u serva fl-uffiċċji tal-MTA fir-Renju Unit u l-Italja, kif ukoll fi Franza, fejn kien jaqdi rwol ta’ Country Manager, fi żmien meta l-konnettività tal-linji tal-ajru bejn Franza u Malta ġiet imsaħħa.
Aktar reċentement is-Sur Zammit Trevisan kien responsabbli għall-iżvilupp tan-negozju fi swieq ġeografiċi emerġenti għal Malta, inklużi l-Lvant Nofsani u r-Reġjun tal-Afrika ta’ Fuq, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel.