Il-psikologu Anthony Gatt huwa d-direttur ġdod għal Caritas Malta, li se jkompli jaħdem biex il-Knisja, permezz tal-Caritas, issaħħaħ is-servizzi li toffri bla ħlas b’mod partikolari fil-qasam tar-rijabilitazzjoni mid-droga, il-ħidma b’risq il-fqar u l-familji li għaddejjin minn problemi soċjali, u l-ħidma favur il-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp tal-persuna.
Gatt huwa psikologu li ilu jaħdem fil-qasam tal-għajnuna soċjali mill-1999. L-ewwel impjieg tiegħu kien ma’ Caritas Malta bħala koordinatur tal-voluntiera, u għal għaxar snin għamel xogħol volontarju mal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ. Kompla l-ħidma tiegħu bħala psikologu fil-qasam tar-rijabilitazzjoni mid-droga mal-Aġenzija Sedqa. Ħadem għal numru ta’ snin fil-privat qabel ma’ reġa’ ngħaqad ma’ Caritas Malta f’dawn l-aħħar tliet snin.
Huwa ukoll lettur mistieden fl-Università ta’ Malta fil-qasam tal-counselling u l-psikoterapija, il-psikoloġija umanista u l-psikoloġija tal-organizzazjonijiet.