Il-Karozzini ma jistgħux jiġu misjuqa f’xi triq matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu bejn 1 p.m. u l-4 p.m., kif ukoll jistgħu biss jintużaw fi ġranet alternattivi.
Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa filgħodu.
Camilleri qal li żiemel wieħed ma jistax jintuża għal aktar minn tliet vjaġġi f’ġimgħa waħda. Żied jgħid li kull vjaġġ ta’ karozzin ma jistax idum aktar minn 45 minuta u li fuqu jistgħu jitilgħu biss ħames persuni inkluż il-kuċċier.
Dawn ir-regolamenti huma pass ieħor ‘il quddiem fejn jidħol it-trattament xieraq tal-annimali. Dan wara li matul din il-ġimgħa ġew approvati fil-Parlament tibdil fl-att dwar il-ħarsien xieraq tal-annimali, fejn żdiedu il-pieni minimi ta’ min jabbuża minn dawn.