Għaddejjin ġmielhom it-tħejjijiet biex illum waranofisnhar il-poplu Malti u Għawdxi jiċċelebra l-festa ta’ Jum il-Ħaddiem li din is-sena se jiġi ċċelebrat fl-isfond ta’ żewġ appuntamenti elettorali importanti.
B’rabta ma’ dan l-avveniment, ONE se jtella’ xandira speċjali fi programm li jibda fid-09:00 u jibqa’ għaddej sat-15:30.
Il-programm se jippreżentah Karl Stagno Navarro, u matulu se jitkellem ma’ uffiċjali tal-Partit Labursita, Ministri u Segretarju Parlamentari li lkoll għandhom appell biex in-nies tattendi għaċ-ċelebrazzjoni fi Pjazza Kastilja. Dan biex filwaqt li jitfakkru l-kisbiet u l-ħidma ta’ dan il-Gvern, kulħadd jifhem kemm Malta hija f’qalbna.
Intant, il-Partit Laburista dejjem ta importanza xierqa lill-festa tal-Ħaddiema, u din is-sena mhux se tkun eċċezzjoni.
Kollox jibda għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar, f’attività li se ssir bis-sehem t’artisti lokali u internazzjonali, u żewġ baned li se jkunu qed iduru mal-Belt Valletta. Il-qofol jintleħaq bid-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat.Fid-dawl tal-fatt li mistennija jkunu eluf kbar li jattendu l-attività, il-Partit Laburista ħa ħsieb li jalloka postijiet għall-persuni b’diżabilità u li t-trasport ikun organizzat.
Fil-fatt il-vjaġġi tat-trasport pubbliku se jkunu aktar spissi waqt li se jkun hemm vapur dirett għall-Port il-Kbir minn Għawdex li jitlaq fis-siegħa ta’ waranofsinhar.
Il-Kumitati lokali tal-Partit Laburista se jorganizzaw trasport minn kull lokalità madwar Malta.