Abner Aquilina, mixli bil-qtil u stupru ta’ Paulina Maria Dembska, Pollakka ta’ disgħa u għoxrin sena li nstabet mejta fit-tieni jum tas-sena fi ġnien l-Indipendenza f’tas-Sliema, qal lill-psikjatra li huwa mxajtan u ma jistax jiġi kkurat.
It-tabib xehed hekk fil-Qorti, hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni.
L-akkużat ma kienx preżenti fuq ordni tal-psikjatra minħabba li skont it-tabib, dan huwa ta’ periklu għal ħaddieħor.
Il-psikjatra xehed li l-Ħamis, Aquilina ttieħed l-isptar Monte Karmeli u l-Ġimgħa filgħodu nstab għarwien ħuta, bil-parti privata tiegħu f’idu u talab lin-nies jinżlu għarkuptejhom.
Il-Prosekuzzjoni qed issostni li Dembska allegatament ġiet stuprata f’diversi postijiet f’ġisimha u anke b’oġġetti differenti.
Fil-Qorti wkoll kien hemm argumenti bejn il-Prosekuzzjoni u d-Difiża dwar l-istat tal-akkużat, bil-Prosekuzzjoni tisħaq li l-ġustizzja trid issir u tgħid li ma temminx li l-akkużat ma jistax jiġi għas-seduti fil-Qorti.
Min-naħa l-oħra d-Difiża mmexxija mill-Avukat Dr Mario Mifsud qalet li hemm pressjoni żejda biex l-akkużat ikun fl-iżbarra.
Id-Difiża talbet li min għamel id-dokument sabiex Abner Aquilina ma jattendix is-seduta tal-Qorti, jixhed fil-Qorti.
Sostniet li l-imputat kien qiegħed jieħu bosta mediċini, u għalhekk għandha dubji fuq dak li ntqal waqt li kien qed jieħu l-mediċini.
Id-Difiża sostniet li hemm bżonn ukoll rendikont tal-mediċina li ngħatat lil Aquilina.
Stqarret li tixtieq spjegazzjoni ta’ kif Aquilina kien fi stat tajjeb biżżejjed biex jiġi nterrogat wara li ġie arrestat, iżda ma kienx f’pożizzjoni li jattendi l-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li hemm dettalji li għad iridu joħorġu fil-pubbliku, fosthom ir-rispons tal-akkużat meta mistoqsi dwar għandux rimors għal dak li allegatament għamel.
Innutat wkoll li l-psikjatra li xehed il-Ġimgħa qal li Aquilna “iffanfra” meta tkellem dwar dak li allegatament għamel.
Il-Prosekuzzjoni talbet biex Aquilina jidher il-Qorti b’ċertifikazzjoni tat-tabib, bil-Qorti se tiddeċiedi dwar dan.
Intant fil-Qorti ntqal li s-Sibt, fil-Polonja se jsir il-funeral ta’ Dembska wara li l-katavru tagħha kien ġie rilaxxat.
Aġġornament skont il-ħin
11:34 – Id-deċiżjoni se tkun qed tingħata f’seduta oħra.
11:31 – Il-Qorti ssospendiet is-seduta, sabiex tieħu d-deċiżjoni f’dan ir-rigward.
11:23 – Il-Prosekuzzjoni qed titlob li tirriserva li tagħmel talba għall-ħatra ta’ psikjatra mill-Qorti biex fis-seduta li jmiss, jiġi determinat jekk l-imputat jistax jattendi s-seduti, sabiex jiġi determinat meta dan ikun jista’ jattendi l-Qorti.
11:19 – Il-Prosekuzzjoni qed issostni li huwa kruċjali li Aquilina jattendi l-Qorti. Qal li hemm dettalji li għad iridu joħorġu fil-pubbliku, fosthom ir-rispons tiegħu meta mistoqsi dwar għandux rimors għal dak li allegatament għamel. Innota wkoll li l-psikjatra li xehed illum qal li Aquilna “iffanfra” meta tkellem dwar dak li allegatament għamel.
11:16 – Id-difiża qed titlob li min għamel id-dokument sabiex Abner Aquilina ma jattendix is-seduta tal-Qorti, jixhed fil-Qorti. Qed issostni li l-imputat kien qiegħed jieħu bosta mediċini, u għalhekk, għandu dubji fuq dak li ntqal waqt li kien qed jieħu l-mediċini. Id-difiża sostniet li hemm bżonn ukoll rendikont tal-mediċina li ngħatat lil Aquilina. Stqarret li tixtieq spjegazzjoni ta’ kif Aquilina kien fi stat tajjeb biżżejjed biex jiġi nterrogat wara li ġie arrestat, iżda ma kienx f’pożizzjoni li jattendi l-Qorti.
Id-Difiża qed issostni wkoll li kien hemm pressjoni żejda sabiex Aquilina jiġi mressaq quddiem il-ġustizzja. Il-Prosekuzzjoni qed issostni li Dembska allegatament ġiet stuprata f’diversi postijiet f’ġisimha u anke b’oġġetti differenti, tant li għadha lanqas indifnet. Għalhekk, innutat kif f’każ bħal dan, l-interess tal-familja tal-vittma huwa li ssir ġustizzja xierqa.
11:04 – Il-Prosekuzzjoni qed issostni li ma temminx li l-imputat mhuwiex kapaċi jattendi s-seduti, u qed iġib ruħu ħażin, iżda minkejja dan, il-ġustizzja xorta waħda trid issir. Sostniet li din il-kawża se teħel, hekk kif ma jistax ikun li dan ma jattendix billi jgħid li huwa possedut mix-xitan.
11:01 – Il-Prosekuzzjoni qed issostni li din il-kawża għandha tkompli bla intoppi, u li l-akkużat għandu jidher fil-Qorti. Intqal li għada fil-Polonja se jsir il-funeral ta’ Dembska, u li dan il-każ għandu jsir b’mod korrett sabiex il-familja ta’ Dembska tara l-ġustizzja sseħħ.
10:57 – Il-Prosekuzzjoni saqsiet ukoll x’qal Aquilina fil-konfront ta’ Dembska, iżda d-difiża sostniet li dan m’għandux jiġi diskuss fil-Qorti, hekk kif jekk il-psikjatra jgħid dawn id-dettalji, id-difiża se tkun qed tinforma lill-imputat sabiex dan ma jitkellem ma’ ħadd.
10:54 – Il-Prosekuzzjoni saqsiet lill-psikjatra jekk jarahiex stramba li Aquilina wriex dawn is-sinjali ftit jiem biss qabel kellu jidher il-Qorti, u dan wieġeb li huwa għamel id-deċiżjoni li ma jattendix is-seduta, hekk kif huwa ta’ periklu għall-persuni ta’ madwaru.
10:51 – Il-psikjatra qal li l-imputat sostna li għandu l-poteri, u li se jissallab rasu l-isfel, hekk kif m’hemmx tama għalih. Qal li dalgħodu stess instab bla ħwejjeġ u bil-parti tiegħu f’idejh, u ordna lin-nies ta’ madwaru biex jinżlu għarkuptejhom.
10:50 – Intqal li huwa m’huwiex l-istess persuna, u uża diskors li jindika li hemm xitan ġo fih u li l-psikjatra mhux kapaċi jikkurah. Intqal li f’jum minnhom Aquilina nstab bla ħwejjeġ, u imblokka t-toilet tant li għarraq il-kamra. Sostna li lbieraħ Aquilina kien imħawwad sew, u beda jiddiskrivi dettalji grafiċi tal-affarjiet li ġraw bejnu u l-vittma.
10:45 – Huwa sostna li taħt l-osservanza tiegħu f’Kordin, Aquilina wera sinjali li l-kundizzjoni mentali tiegħu sejra għall-agħar. Qal li minn dak iż-żmien wera aktar sinjali strambi, li maż-żmien marru għall-agħar. Intqal kif l-imputat qaxxar xagħru kollha, beda jirrifjuta l-mediċina tiegħu.
10:32 – Il-Qorti ordnat sabiex it-tabib li joħroġ iċ-ċertifikat mediku tal-imputat, jattendi din is-seduta.
10:31 – Il-Maġistrat qed tispjega kif ilbieraħ għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar, il-Qorti kienet infurmata li l-imputat mhux se jkun jista’ jattendi din is-seduta, hekk kif ġie trasferit għall-Isptar Monte Karmeli.
10:29 – Fil-Qorti daħlet il-Maġistrat Marsanne Farrugia u issa se tkun qed tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni tal-evidenza.
Aktar Qabel:
Dalgħodu f’awla numru disgħa mistennija tkompli l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Abner Aquilina, li huwa mixli bil-qtil u stupru ta’ Paulina Dembska.
Huwa kien ġie arrestat fit-tnejn ta’ Jannar li għadda, ftit tal-ħin wara li allegatament qatel u stupra lil Dembska.