Twaqqfet uffiċjalment l-Aġenzija kulturali tal-Belt Valletta li se ssostni u ssaħħaħ il-ħajja kulturali fil-Belt Valletta.
L-aġenzija tnediet f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħataw dettalji estensivi tas-suċċess u l-legat li ħalliet warajha il-Fondazzjoni Valletta 2018.
Iċ-Chairperson tal-Valletta Cultural Agency Jason Micallef qal li fi żmien lejn Valletta 2018, kien hemm qabża f’investiment fil-Belt ta’ madwar 167 miljun ewro li teskludi l-investiment tal-Fondazzjoni f’400 mitt attività li ħallew impatt kbir fl-oqsma kultura u t-turiżmu.
“Se tkun qed tieħu over mingħand il-Fondazzjoni Valletta 2018, il-programm ta’ 400 attivita’ kulturali li kellna s-sena l-oħra ser jinżammu, inżammew ħafna mill-ħaddiema ta’ Valletta 2018 u din hija kontinwita’. Ridna li din l-esperjenza issa ma tintilifx. Għalhekk l-aġenzija kulturali għal Belt Valletta se tkun il-kuratur tal-attivitajiet kulturali kollha li jisru fil-Belt Valletta,” qal is-Sur Micallef.
F’seminar li ffoka fuq l-impatt li ħalla t-titlu tal-kapitali Ewroea tal-Kultura, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal kif il-Belt rat żvilupp enormi fl-aħħar snin kemm ekonomiku, soċjali u kulturali.
“Mhux biss fuq is-settur kulturali, mhux biss fuq il-Belt biss, imma anke fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna. L-impatt kien pozittiv immens b’cifri li huma bla precedent li urew li Valletta 2018 ikkontribwixxiet għal tkabbir ekonomiku u ħolqien f’impjieg kulturali,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-Ministru Bonnici qal li minbarra l-erbgħa u tmenin miljun li ntefqu fuq proġetti kulturali u ta’ wirt bħal mużew il-ġdid tal-arti MUZA, ir-riġenerazzjoni ta’ strada stretta u s-suq tal-belt, hemm proġettati 20 miljun oħra matul din is-sena fosthom għar-restawr tal-biċċerija li se jospita l-Valletta Design Cluster.
L-istudju ta’ riċerka li ġie ppreżentat mir-riċerkatur Neville Borg wera li x-xogħol fl-industrija tal-ospitalità fil-belt kiber b’tnejn u sittin fil-mija bejn l-2012 u l-2018 bl-industrija tiġġenera 19 fil-mija ta’ tkabbir. Din iż-żieda fix-xoglijiet hija ekwivalenti għal 250 xoghol fil-belt li kienu riżultat tal-kapitali ewropea tal-kulturali.
“Naraw li l-impjiegi kibru, l-investiment u l-infieq fis-settur kulturali kiber. Kien hemm ukoll diffikultajiet li hargu fis-sens processi ta’ centrifikazzjoni li forsi kien hemm problemi ma’ residenti jew nies li jixtiequ jgħixu fil-Belt Valletta,” qal is-Sur Borg,
Is-Sur Kevin Vella mill-Ministeru għall-Finanzi qal kif fl-aħħar snin il-Belt Valletta rat tkabbir ekonomiku b’investiment dirett li wasal ukoll għal tkabbir fit-turiżmu.
L-akbar investiment sar fil-Wirt Kulturali b’47% segwit mit-Turiżmu b’16% u d-divertiment bi 15%.
Intqal kif l-investiment qabel l-2018 wassal għal investiment addizzjonali ta’ €57 miljun bejn l-2013 u l-2018.
“Meta wieħed iqis kemm dan żdied f’dan il-perjodu u jqabblu mal-bqija tal-ekonomija, juri li tkabbir kien aktar b’saħħtu fil-Belt,” qal Kevin Vella.
Il-Kap Eżekuttv għall-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta Catherine Tabone qalet li Valletta 2018 trasformat il-belt f’ċentru kulturali u ta’ innovazzjoni li hi llum.