Erica Borg (42, Imsida, mara tad-dar), Kurt Borg (44, Ħal Qormi, sid ta’ ristorant), Redimen Aquilina (23, Ħamrun, impjegat), Christian Mansueto (33, Siġġiewi) u Elton Borg (46, mill-Imsida, sid ta’ ristorant), jinsabu l-Qorti, fejn fost l-oħrajn qed jiġu akkużati li aggredew żewġ uffiċjali tal-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Il-każ seħħ is-Sibt li għadda filgħaxija fil-Ħamrun, meta grupp ta’ nies dehru jagredixxu l-pulizija.
Fil-fatt, f’filmati li ġew ippubblikati fuq il-midja soċjali, dawn in-nies allegatament jidhru jagħmlu dan ir-reat.
Apparti l-akkużati, awla numru 25 u fuq barra tagħha, hija ippakkjata, fejn preżenti hawn numru ta’ ġurnalisti, Pulizija u qraba.
Fuq barra tal-Qorti wkoll dehru xi pulizija minħabba ż-żamma tal-ordni.
Id-Difiża kienet iffurmata mill-Avukati Charles Mercieca, Franco Debono, Jacob Magri, Arthur Azzopardi, Matthew Xuereb, Mario Mifsud, Nicholas Mifsud u Alex Scerri Herrera.
Dr. Herman Mula deher fil-Qorti bħala Parte Civile għaż-żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni hija iffurmata mill-Avukat Jennifer Polidano mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Elisia Scicluna.
Fl-awla hawn ukoll id-Deputat Kummissarju Kenneth Haber u Kevin Valletta mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-allegati vittmi f’dan il-każ huma l-Pulizija Clive u Aiden Mallia.
DIRETT:
11:00 – Fil-bidu tal-kawża l-Ispettur bdiet tispjega kif ġara l-każ.
Saħqet li fuq il-post fejn seħħ il-każ kien hemm folla nies li kienet tgħodd għal bejn 10-15-il persuna.
Il-Prosekuzzjoni qalet li Aquilina u Mansueto ġew arrestat f’dahrom wara li dawn ħarbu minn fuq il-post.
Kienu l-pulizija u x-xhieda fuq il-post li taw l-indikazzjonijiet min kienu l-persuni.
11:12 – Id-difiża talbet lill-Prosekuzzjoni sabiex tispjega x’wassal għall-arrest u kif ġew arrestati.
Il-validità tal-arrest ma ġiet ikkontestat minn l-ebda avukat tad-difiża.
11:17 – Il-Qorti għadha kemm iddikjarat l-arrest bħala validu.
Fl-awla l-akkużati jidhru emozzjonati.
11:22 – L-akkużati kollha wieġbu mhux ħatja
11:26 – Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjoni għal din it-talba minħabba li s-CCTV tal-ħanut ta’ Elton Borg ġew maqlugħin, hemm ċans jitressaq il-Qorti xi ħadd ieħor f’dan il-każ u minħabba li l-każ ingħata importanza fil-pubbliku.
Il-bodycam ta’ wieħed mill-pulizija inġabret minn fuq il-post minn xi persuni fuq il-post u għadha ma nstabitx.
Hemm biża kbira ta’ intralċ tal-provi u li jekk dawn jingħataw il-bail tista’ tinqala’ kommossjoni mill-pubbliku.
11:30 – Bħalissa d-difiża qed tispjega għaliex dawn għandhom jingħataw il-ħelsien mill-arrest.
Kif ġara l-każ:
Il-Pulizija spjegat li kollox beda meta l-kuntistabbli ħarġu taħrika għal karozza li kienet ipparkjata illegalment fi Triq il-Kbira l-Ħamrun.
Kien f’dan il-punt li ħarġu numru ta’ persuni minn stabbiliment u li bdew jargumentaw mal-pulizija, li taw ordnijiet għaż-żamma tal-ordni pubblika u għall-koperazzjoni tal-persuni kkonċernati.
Iżda huma injoraw dawn l-ordnijiet u kkawżaw ġrieħi lill-uffiċjali.
Il-Pulizija kienu kostretti jużaw il-pepper spray u t-taser.
Intqal kif fuq il-post, waslu aktar pulizija u s-sitwazzjoni ġiet ikkontrollata.
Il-persuni arrestati fuq il-post huma mara ta’ 42 sena u żewġt irġiel ta’ 46 u 44 sena. Mill-investigazzjonijiet irriżulta wkoll li kien hemm żewġ persuni oħra li telqu minn fuq il-post, żewġt irġiel ta’ 23 u 33 sena, li kienu involuti f’dan il-każ u li ġew identifikati minnufih u arrestati mir-residenzi rispettivi tagħhom.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet liż-żewġ pulizija l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn wieħed ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi u ieħor bi ġrieħi ħfief.
Dan il-każ ġab il-kundanna ta’ bosta, u baħar ta’ kummenti wrew is-solidarjetà mal-pulizija.