Fi tmiem konsultazzjoni pubblika, il-Gvern ħabbar id-dettalji tal-liġi li l-Ħamis se tibda tiġi diskussa fil-parlament dwar id-dħul tal-kremazzjoni f’Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal din il-liġi tinkludi fiha sottomissjonijiet li saru min-naħa tal-pubbliku, fosthom reġistru nazzjonali li fih il-Maltin se jkun jistgħu jniżżlu isimhom biex jinħarqu flok jindifnu wara mewthom.
Qal li liġi se tiġi diskussjoni fil-Parlament il-Ħamis mill-istadju tat-tieni qari wara li ġiet approvata mill-Kabinett.
“Se tati lok għal reġistru, jiġifieri s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika se jżomm reġistru, fejn min irid li wara mewtu jkun ikkremat, ix-xewqa tiegħu tista’ tiġi rreġistrata biex ġaladarba jmut ikollhom il-gwida ta’ kif iridu jimxu,” qal il-Ministru Fearne.
Il-Ministru Fearne qal li l-krematorji se jiġu lliċenzjati mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika fejn se jkollu s-setgħa li jippenalizza kif ukoll jirrevoka l-liċenzja.
Id-deputat Rosianne Cutajar li ppreżentat u ressqet l-abbozz ta’ liġi privat tal-legalizzazzjoni u r-regolazzjoni tal-Kremazzjoni f’Malta spjegat li l-liġi se twassal għal ftuħ ta’ reġistru ieħor li se jiġbor fih id-dettalji tal-fdalijiet ta’ kull katavru li jinħaraq.
Cutajar spjegat li l-irmied se jkun jista’ jinfirex fil-baħar f’żoni fejn ma jgħumux in-nies, minn fuq ajruplan jew jinżamm mill-qraba tal-mejjet jew fi spazji miftuħa apposta.
Qalet li min irid iżomm l-urna jista’ jżommha f’daru jew f’qabar iżda l-urna bl-irmied mhux se tkun tista’ tinbiegħ.
F’każ li omm tmut mat-tarbija waqt il-ħlas, dawn jistgħu jiġu kkremati flimkien skont ix-xewqa tal-mara.