19:10 pm – George Degiorgio magħruf bħala ċ-‘Ċiniż’ u Alfred Degiorgio magħruf bħala l-‘Fulu’ ġew ikkundannati 40 sena ħabs kull wieħed għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017. Hija kkundannathom ukoll iħallsu €42,930.73 kull wieħed u li dawn l-ispejjez għandhom jitħallsu fi żmien tliet snin.
Ftit sigħat wara li bdew għaddejjin ġuri, huma ġew ikkundannati mill-Imħallef Edwin Grima wara li għall-ħabta tas-sitta neqsin kwart tal-Ġimgħa filgħaxija ammettew l-akkużi b’rabta mal-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
B’rabta ma’ din l-ammissjoni, il-Prosekuzzjoni, id-Difiża u anki l-Parte Civile jiġifieri dawk li qed jirrappreżentaw l-interessi tal-familja Caruana Galizia qablu fi ftehim ta’ sentenza ta’ 40 sena priġunerija.
B’dan l-iżvilupp issa hemm tliet persuni li nstabu ħatja b’rabta ma’ dan il-qtil hekk kif fi Frar tas-sena l-oħra, Vince Muscat il-‘Koħħu’ kien weħel 15-il sena ħabs għall-involviment tiegħu f’dan il-qtil.
Tliet persuni oħra jinsabu akkużati wkoll b’rabta ma’ din il-qtil fosthom l-allegat mandant u min allegatament forna l-bomba li ntużat biex inqatlet Caruana Galizia.
George Degiorgio kien ammetta f’intervista mar-Reuters li kien qatel lil Caruana Galizia iżda dik l-ammissjoni ma kinitx tgħodd fil-Qorti sakemm hu u ħuħ ammettew fl-awla ftit tas-sigħat wara li beda l-ġuri.
19:05 pm – Tirritorna fl-awla l-Imħallef Edwina Grima. Hija tistaqsi lill-imputati jekk hux se jżommu mal-ammissjoni tagħhom u wieġbu fl-affermattiv.
L-AĦWA GEORGE U ALFRED DEGIORGIO JAMMETTU GĦALL-QTIL TA’ DAPHNE CARUANA GALIZIA – JISTGĦU JEĦLU SA 40 SENA ĦABS – IS-SENTENZA MISTENNA TINGĦATA FI ŻMIEN SIEGĦA
17:57 pm – Il-kawża ġiet posposta għal madwar nofs siegħa jew siegħa sakemm tingħata s-sentenza.
17:54 pm – George Degiorgio magħruf bħala ċ-‘Ċiniż’ u Alfred Degiorgio magħruf bħala l-‘Fulu’ jistgħu jeħlu sa 40 sena ħabs kull wieħed għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017.
B’rabta ma’ din l-ammissjoni, il-Prosekuzzjoni, id-Difiża u anki l-Parte Civile jiġifieri dawk li qed jirrappreżentaw l-interessi tal-familja Caruana Galizia qablu fi ftehim ta’ sentenza ta’ 40 sena priġunerija.
Dan il-ftehim ġie ppreżentat mill-Prosekuzzjoni, jiġifieri d-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia.
Ftit sigħat wara li bdew għaddejjin ġuri, huma ġew mgħarrfa mill-Imħallef Edwin Grima wara li għall-ħabta tas-sitta neqsin kwart tal-Ġimgħa filgħaxija ammettew l-akkużi b’rabta mal-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Tliet persuni oħra jinsabu akkużati wkoll b’rabta ma’ din il-qtil fosthom l-allegat mandant u min allegatament forna l-bomba li ntużat biex inqatlet Caruana Galizia.
George Degiorgio kien ammetta f’intervista mar-Reuters li kien qatel lil Caruana Galizia iżda dik l-ammissjoni ma kinitx tgħodd fil-Qorti sakemm hu u ħuħ ammettew fl-awla ftit tas-sigħat wara li beda l-ġuri.
17:45 pm – L-aħwa George u Alfred Degiorgio ammettew li qatlu lil Daphne Caruana Galizia.
Sa issa għadu mhux magħruf x’wassal għal dan u lanqas il-piena li se tkun qed tingħatalhom.
Dan waqt l-ewwel jum tal-ġuri li beda jinstema’ wara numru ta’ tentattivi mill-aħwa biex dan jiġi pospost. Dan hekk kif argumentaw li ma kellhomx biżżejjed ħin sabiex jippreparaw id-difiża tagħhom għal dan il-ġuri iżda l-Imħallef Edwina Grima, li ppresediet il-ġuri kwotat mil-liġi li d-Difiża kellha ċans iżjed mill-minimu ta’ 20 jum stipulat bil-liġi.
Kienu għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar x’ħin il-ġuri kellu jkompli wara waqfa ta’ siegħa, madankollu għal-aktar minn sagħtejn kollox waqaf fejn saħansitra anke l-imputati ttieħdu l-barra mill-awla.
F’punt minnhom ukoll ħarġet marixxal fejn ġabret l-affarijiet tal-Imħallef minn fuq il-mejda. L-aħwa dehru wkoll jiddiskutu bejniethom għal numru ta’ minuti b’George Degiorgio kellu numru ta’ karti f’idu. F’istanza oħra deher ukoll l-Avukat Charles Mercieca li jirrapreżenta lil Yorgen Fenech, fl-awla.
17:45 pm – Tidħol fl-awla l-Imħallef Edwina Grima.
17:42 pm – L-avukati kollha nġabru qaqoċċa hekk kif jinsabu qed jiddiskutu xi ħaġa.
17:41 pm – Jidħlu l-akkużati.
17:39 pm – Fl-awla reġa’ hawn il-movimenti. Avukati li ma kienux lebsin it-toga reġgħu libsuha u jinsabu qed jistennew. Preżenti wkoll hawn l-avukati tal-għajnuna legali taż-żewġ imputati. Fl-awla mill-ġdid hawn ukoll l-espert forensiku Dr Mario Xerri.
17:34 pm – Għal mument qasir deher l-espert forensiku Dr Mario Xerri, li daħal fl-awla.
17:10 pm – Kollox għadu wieqaf hekk kif fl-awla qed jiddomina skiet itarrax. L-imputati ħarġu barra mill-awla flimkien mal-Avukati tagħhom. Ħarġu wkoll l-Avukati tal-Prosekuzzjoni filwaqt li dehret ukoll marixxal tiġbor l-affarijiet tal-Imħallef Edwina Grima minn fuq il-mejda tagħha.
16:06 pm – Filwaqt li kulħadd għadu qed jistenna, l-aħwa George u Alfred Degiorgio jidhru jitkellmu bejniethom waqt li qed jikkonsultaw ma’ xi karti f’idejn George Degiorgio. Dan tal-aħħar ilu għall-aħħar għoxrin minuta wkoll jitkellem mal-uffiċjal tas-sigurtà.
15:15 pm – Insellmulkom mill-ġdid. Ninsabu fl-awla 22 fejn fi ftit tal-ħin ieħor mistenni jkompli jinstema l-ġuri tal-aħwa George u Alfred Degiorgio, akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fil-ħin li ġej mistennija jkomplu jiġu ppreżentati l-fatti tal-każ quddiem il-ġurati.
13:15 pm – Is-seduta ġiet aġġornata għat-3pm.
12:55 pm – Hawn komplew jiġu spjegati id-dettalji li rriżultaw mill-investigazzjoni u li juru kif l-imputati waslu għall-qtil ta’ DCG. Isemmiet ukoll il-loqma tas-sigarett li nstabet il-bidnija fejn kienu jgħassu l-imputati u li wara testijiet tad-DNA rriżulta li kienet ta’ Alfred Degiorgio.
Fis-16 ta’ Ottubru għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu l-burner phones u n-numri personali tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat il-Koħħu ġew innutati kollha fil-Bidnija. Ġew spjegati d-dettalji wkoll tal-ġurnata li fiha inqatlet DCG. Hawn ġie rrimarkat żball minn George Degiorgio fejn ħalla l-burner phone mingħajr kreditu waqt li kien fuq il-baħar. Hawn ċempel lil wieħed Miguel Caruana biex jittopjalu l-mowbajl.
Alfred Degiorgio ċempel lil George Degiorgio malli ra lil DCG ħierġa mid-dar madankollu rriżulta li kienet nesiet ic-cheque book u reġgħet daħlet. Hawn l-aħwa baqgħu fuq il-linja sakemm DCG reġgħet ħarġet mid-dar, rikbet il-karozza u saqet. Hawn Alfred informa lil George Degiorgio u bgħat il-messaġġ REL1 = on li attiva l-bomba.
12:50 pm – Dr Galea Farrugia spjega li l-imputati f’Awwisu ddeċidew li jixtru 3 mobiles magħrufa aħjar bħala burner phones bi 3 sim cards. Hawn ġew elenkati n-numri li kellhom l-akkużati li wara rriżulta li ġew użati biss biex l-akkużat u Vince Muscat il-Koħħu jikkomunikaw bejniethom.
In-numru 99088824 li huwa ta’ George Degiorgio, mit-trijangolazzjoni li saret, dejjem mexa man-numru 99623741 li huwa rreġistrat man-numru ta’ George Degiorgio, li huwa n-numru tal-mowbajl personali tiegħu. Dan ma kienx magħruf qabel l-investigazzjoni madankollu sar magħruf wara li l-imputat mar f’lukanda f’Għawdex u tah lir-reception.
Minn hemm sar magħruf in-numru personali tiegħu. Il-burner phone ta’ Alfred Degiorgio li dejjem mexa mal-numru tal-mowbajl personali tiegħu. In-numru 99088823 ukoll dejjem mexa man-numru ta’ Vince Muscat.
12:45 pm – Fir-rekwiżitorja tiegħu, Galea Farrugia spjega kif f’April tal-2017 persuna li qed taffaċċja proċeduri separati avviċina lil Melvin Theuma u talba jsiblu persuna biex joqtol lil DCG.
Huwa rrakkomanda lil George ċ-Ċiniż u ġie ddubbat in-numru ta’ ħuh Alfred Degiorgio u ltaqgħu l-Busy Bee. Hemm saret il-proposta li tinqatel DCG u wara xi ġranet reġgħu ltaqgħu fejn Alfred Degiorgio nforma lil Melvin Theuma li aċċettaw li joqtlu lil DCG bil-prezz ta’ €150,000.
F’Ġunju 2017 Melvin Theuma ddepożita €30,000 li ġabar mingħand il-mandant u jgħaddihom lill-akkużat. Hawn l-akkużati jinfurmawh li magħhom se jkun hemm Vince Muscat ‘il-Koħħu.’ Malli jsir id-depożitu jibdew il-preparament fejn l-akkużati jibdew imorru l-Bidnija bil-lejl u bdew jgħassu l-movimenti tal-akkwati u fir-residenza ta’ DCG u l-movimenti tagħha.
Hemm sabu wkoll post fejn il-Victoria Lines faċċata tal-Bidnija fejn minn punt partikolari wieħed jista’ jara r-residenza ta’ DCG u jista’ josserva minn hemmhekk. Wara pjanijiet, fil-bidu l-akkużati ġiethom l-idea li jużaw rifle pero umbagħad George Degiorgio jiddeċiedi li aħjar jużaw bomba.
12:38 pm – Id-Deputat Avukat Ġenerali ppreżenta wkoll il-fatti tal-każ. Huwa għamel premessa li dawn m’għandhomx jittieħdu bħala fatti. Galea Farrugia ddeskriva wkoll id-differenza bejn l-inkjesta li tinvolvi l-ġbir tal-provi anke permezz ta’ esperti u l-kumpilazzjoni, fejn ikun hemm il-ġabra tal-provi.
Spjega wkoll l-ammont ta’ xogħol li involviet din l-investigazzjoni hekk kif inkludiet 5 esperti mill-Forensic Institute, 5 oħra mill-Europol li huma post blast analysts u analisti tad-data.
Magħhom jingħaqdu wkoll 2 esperti tal-FBI li jiffurmaw parti min tim speċjalizzat li xogħlhom huwa li janalizzaw data minn sinjali tat-telefonija. Huwa tenna l-importanza ta’ dawn l-esperti għaliex l-ewwel indikazzjonijiet fl-investigazzjoni ġew minn sinjali tat-telefonija.
12:36 pm – Dwar it-tieni Kap t’akkuża Dr Philip Galea Farrugia, dik li tinvolvi l-ikkawżar ta’ splużjoni biex tinqatel persuna, din hija distinta mill-akkuża ta’ qtil volontarju. Dr Galea Farrugia, kompla jelenka l-bqija tal-Kapi t’akkuża msemmija ftit qabel.
12:33 pm – Huwa beda jispjega l-ewwel Kap t’akkuża. Dak ta’ omiċidju volontarju. Tenna li rrispettivament minn xi preġudizzju lejn il-vittma u anke l-akkużati, dan m’għandux ikun postu fl-awla. Tenna li l-punt hawnhekk huwa li persuna inqatlet u li ħadd m’għandu dritt joqtol persuna rrispettivament minn x’tagħmel dik il-persuna.
12:30 pm – Fir-rekwiżitorja tiegħu d-Dr Philip Galea Farrugia tenna li l-Avukat Ġenerali huwa obbligat li jispjega li jispjega l-kapi tal-akkuża tal-ġurati.
12:26 pm – Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia qabel daħlu l-ġurati tenna li Peter Caruana Galizia u Matthew Caruana Galizia jinsabu fl-awla jsegwu bħala Parte Civile u li se jkunu qed jixhdu. L-Imħallef staqsiet lid-Difiża jekk isibux oġġezzjoni b’dan. Id-Difiża iddikjarat li ma ssib l-ebda oġġezzjoni.
12:17 pm – Il-partijiet kollha reġgħu jinsabu f’Awla 22. Flimkien mal-ġurnalisti, numru ta’ avukati jinsabu wkoll fl-awla sabiex isegwu l-ġuri. Minn ħin għal qed nistennew lill-Imħallef u anke l-ġurati jidħlu.
11:37 am – Il-ġuri jkompli jinstema f’12:00pm
11:32 am – Hekk kif l-Imħallef qalet li se tkun qed twaqqaf is-seduta għal waqfa qasira, hija sostniet li malli jkompli jinstema’ l-ġuri, se jippreżenta l-każ tiegħu l-Avukat Ġenerali f’dik li hija msejħa ‘rekwiżitorja.’ Wara tibda tinstema’ l-evidenza tal-Prosekuzzjoni u wara d-Difiża tkun tista’ wkoll tippreżenta x-xhieda tagħha.
11:23 am – L-Imħallef fakkret fl-importanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Hija indirizzat lil ġurati u sostniet li sa issa l-aħwa Degiorgio għadhom preżunti innoċenti. Hija fakkret ukoll fid-dritt tas-silenzju li għandhom l-imputati u kif l-użu ta’ dan id-dritt ma jfissirx li l-akkużati huma ħatja. Sostniet il-fatt ukoll li fid-dawl tal-preżenza ta’ żewġ akkużati, f’każ li akkużat wieħed jipprova jitfa’ fuq l-ieħor, dik ma tiswiex bħala prova kontra t-tieni akkużat. L-Imħallef sostniet ukoll li f’każ ta’ dubju dak dejjem imur favur l-akkużat.
“INTHOM L-IMĦALLFIN TAL-FATTI TA’ DAN IL-KAŻ – TRIDU TIDDEĊIEDU MINGĦAJR INFLUWENZA BARRANIJA U LANQAS JIEN MA NISTA’ NINFLUWENZAKOM.”
L-Imħallef Edwina Grima lill-ġurati.
11:11 am – L-Imħallef Edwina Grima infurmat lill-ġurati li l-imputati wieġbu mhux ħatja fil-konfront tal-akkużi miġjuba kontrihom. Hija spjegat ukoll lill-ġurati id-dmir tagħhom ta’ ‘imħallfin tal-fatti ta’ dan il-każ.’ Hija rringrazzjathom ukoll talli qdew dmirhom u poġġew ruħhom disponibbli sabiex jisimgħu u jiddeċiedu fuq il-fatti tal-każ. Sotniet li qas hi fil-vesti tagħha bħalha Imħallef ma’ hi se timponi fid-deċiżjoni tagħhom u sostniet li hi qiegħda hemm biex tiggiwdahom fid-deċiżjoni tagħhom.
11:04 am – ONE News huwa infurmat ukoll li l-imputat Alfred Degiorgio jinsab akkumpanjat minn tabib wara li aktar kmieni llum allegatament fil-ħabs ipprova jibla xi pirmli ta’ priġunieri oħra. Dan biex b’hekk jevita li jitla’ l-Qorti.
11:00 am – Mal-att tal-akkuża qed jinqaraw ukoll iċ-ċirkostanzi tal-każ. B’kollox hemm sitt kapi t’akkuża. Is-sitt kapi jinkludu, omiċidju volontarju, pusses illiċetu ta’ splussivi, ikkawżar ta’ splużjoni b’riżultat li nqatlet persuna, assoċċjazzjoni ma’ persuni bil-għan li jagħmlu delitt u parteċipazzjoni attiva b’għaqda ta’ żewġ persuni jew aktar bil-għan li jagħmlu reati kriminali, fost oħrajn.
10:50 am – L-att tal-akkuża fil-konfront tal-imputati qed tinqara lill-ġurati. Il-ġurati jinkludi 5 irġiel u 4 nisa.
10:40 am – Il-ġurati ħadu l-ġurament tagħhom.
10:38 am – Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet ir-rikors b’urġenza li sar biex jiġi posposta il-ġuri. B’hekk il-ġuri jista’ jitkompla.
10:35 am – Il-proċess tal-għażla tal-ġuri ntemm u ntagħżlu l-ġurin kollha.
09:40 am – Beda l-proċess biex jintgħażlu d-disa ġurati u tliet ġurati oħra li jkunu fuq riżerva.
Il-ġuri beda jinstema’ għall-ħabta tad-9:00am madankollu ONE News ma rrappurtax l-iżviluppi minn dak il-ħin għar-raġuni li l-ġurati kienu għadhom ma ġewx magħżula. Dan huwa dak kollu li ġara qabel intgħażlu l-ġurati.
F’Awla 22, il-Ġimgħa filgħodu beda jinstema’ l-ġuri tal-aħwa George u Alfred Degiorgio, li qed ikunu mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Għall-ħabta tad-disa ta’ filgħodu ddaħħal l-ewwel mill-aħwa, jiġifieri George Degiorgio li fl-awla esprima r-rabja tiegħu, anke bi kliem mhux xieraq, għall-fatt li l-avukati tal-għajnuna legali tiegħu ma humiex preparati għal dan il-ġuri.
F’mument minnhom saħansitra jinstema jgħid lill-Avukat tiegħu – “Int m’intix lest tieħux responsabbiltà.”
Iddaħħal ukoll Alfred Degiorgio li jinsab akkumpanjat minn tabib wara li l-kundizzjoni ta’ saħtu ma hijiex waħda tajba. Fl-aħħar jiem l-imputat għamel strajk tal-ġuħ.
Hekk kif l-Imħallef Edwin Grima daħlet fl-awla, l-Avukat tal-għajnuna legali Simon Micallef Stafrace, ivverablizza li ma kellhomx ċans biżejjed biex jippreparaw difiża adegwata għall-akkużati.
Semma fost oħrajn kif l-atti tal-kumpilazzjoni ta’ dan il-proċess fihom 25 volum b’aktar minn 11,000 paġna għal total ta aktar minn 4.2GB. Irrimarka wkoll li hemm sitt volumi li l-hard disks bil-provi audio viżivi fihom aktar minn 77,000 file għal total ta’ aktar minn 400GB.
L-Avukat Ġenerali ddikjara li m’għandu xejn x’iwieġeb għal dan il-verbal.
L-Imħallef Edwina Grima sostniet li l-Qorti tat biżżejjed żmien lill-akkużati biex jippreparaw id-difiża tagħhom minkejja l-fatt li l-avukat tagħhom rrinunzja l-każ, lejliet iċ-ċelebrazzjoni tal-ġuri. Hawn sostniet li l-Qorti reġgħet ikkonċediet iktar żmien lill-akkużati, biex isibu avukat tal-fiduċja tagħhom.
B’hekk l-Imħallef idderieġiet l-avukati tal-għajnuna legali biex ikomplu jassistu lill-akkużati fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-ġuri
Fid-dawl ta’ rikors b’urġenza quddiem il-Qorti Kostituzzjonali li tressaq il-ġimgħa filgħodu, l-Imħallef sostniet li kif ikun hemm ordni mill-qorti Kostituzzjonali biex jitwaqqaf il-ġuri s-smigħ ma jitkompliex skond din l-ordni.
Mistoqsi x’iwieġeb quddiem l-akkużi miġjuba kontrih George Degiorgio, wieġeb li m’għandux x’iwieġeb għal din id-domanda u allura l-Qorti qed tqis li daqs li kieku wieġeb mhux ħati għall-akkużi fil-konfront tiegħu.
Alfred Degiorgio wieġeb mhux ħati tal-akkużi fil-konfront tiegħu.