11:46 – L-Imħallef ittemm l-indirizz tagħha f’dan l-istadju biex, issa, saret waqfa, bil-proċess mistenni jkompli għall-ħabta tas-2:00 ta’ waranofsinhar.
11:37 – “Importanti l-parteċipazzjoni tagħkom” – kliem l-Imħallef Grima fejn enfassizat li, ladarba huma l-ġurija li se jaslu għall-verdett tagħhom, hu importanti s-sehem ta’ kull wieħed u waħda minnhom. Dan jistgħu jagħmluh kemm permezz ta’ noti li jieħdu waqt dan il-ġuri, kif ukoll permezz ta’ mistoqsijiet li jistgħu jistaqsu.
11:31 – L-Imħallef Grima spjegat li l-ġurija għandhom jaslu għal deċiżjoni waħedhom mingħajr l-ebda indħil. Hawn spjegat li r-rwol tagħha hu biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet legali. Spjegat lid-deċiżjoni li jaslu għaliha l-ġurati għandha tkun fuq il-fatti u l-provi li se jkunu qed jistemgħu f’dan il-ġuri. Enfasizzat li s-simpatija, il-preġudizzju jew il-biża’ m’għandhomx jaffettwaw id-deċizjonijiet finali tagħhom.
11:19 – L-Imħallef Grima hawn tibda tispjega r-rwol li għandhom l-ġurati f’dan il-każ biex, quddiem il-fatti li se jiġu ppreżentati f’dan il-każ, jaslu għal deċiżjoni jekk issibux ħatja jew le lill-akkużati.
11:14 – Jinqraw il-kapijiet kollha tal-akkużi, waqt li l-Imħallef Edwina Grima tibda l-indirizz tagħha lil ġurija.
11:00 – L-Avukat Ġenerali qed titlob li jekk l-erba’ akkużati jinstabu ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha mill-ġurati, huma jiġu kkundannati s-sentenza ta’ għomor il-ħabs.
10:45 – Robert Agius, Jamie Vella u George Degiorgio qed jiġu akkużati wkoll li fil-pussess tagħhom kellhom splussiv jew armi tan-nar kontra l-liġi.
10:40 – Bħalissa f’Awla 22 qed jinstemgħu l-akkużi fil-konfront tal-aħwa Adrian u Robert Agius, Jamie Vella u George Degiorgio. Hawn intqal li huma jinsabu mixlija b’seba’ kapi ta’ akkuża bl-omiċidju volontarju tal-Avukat Carmel Chircop u bl-omiċidju volontarju jew kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
AKTAR QABEL:
Dalgħodu beda ġuri storiku li jorbot erba’ akkużati ma’ żewġ omiċidji separati – dak ta’ Daphne Caruana Galizia permezz ta’ bomba mal-karozza tagħha fl-2017 fil-Bidnija u l-ieħor tal-Avukat Carmel Chircop b’tiri ta’ arma tan-nar sentejn qabel f’kumpless ta’ garaxxijiet f’Birkirkara.
L-akkużati huma l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufin bħala “tal-Maksar”, Jamie Vella u George Degiorgio “ċ-Ċiniż”.
ONE News informat li dan il-ġuri dwar żewġ omiċidji f’daqqa fuq għażla tal-Avukat Ġenerali m’għandux preċedenti. Dan ukoll mistenni jkun wieħed mill-itwal ġurijiet li qatt seħħew fis-sistema ġudizzjarja lokali minħabba l-ammont ta’ xhieda li hemm skedati u, jekk kollox jimxi kif suppost, aktarx jieħu max-xahar u nofs.
Waqt li Robert Agius u Jamie Vella qed jiġu akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia, Adrian Agius qed jiffaċċja l-akkużi li kkummissjona l-qtil tal-avukat u Jamie Vella u George Degiorgio li wettquh.
Jirriżulta li, fis-sigħat qabel beda l-ġuri, il-Prosekuzzjoni waqqgħet erbgħa mill-11-il kap ta’ akkuża fil-konfront tal-akkużati. Dawn kienu relatati mal-kriminalità organizzata.
Dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, George u ħuh Alfred Degiorgio, magħruf bħala “l-Fulu”, diġà ammettew l-eżekuzzjoni fil-bidu ta’ ġuri ieħor f’Ottubru ta’ tliet snin ilu biex ma jeħlux għomorhom il-ħabs u ġew ikkundannati 40 sena ħabs kull wieħed. Is-sentenzi issa jinsabu fi stadju t’appell.
Minbarra hekk, fi Frar tal-2021, Vince Muscat “il-Koħħu” kien ammetta sehemu fl-omiċidju ta’ Caruana Galizia wara li l-Kabinett rrakkomanda li dan jingħata l-proklama dwar il-qtil ta’ Carmel Chircop, bil-kundizzjoni li jikxef kulma jaf. Hu ġie kkundannat 15-il sena ħabs.
Għaldaqstant, minħabba l-proklama, Muscat qed jitqies bħala l-aktar xhud importanti fil-ġuri, xi ħaġa li nistennew iżjed ’il quddiem.
Finalment, f’Awwissu tal-2021, ġie deċiż li hemm biżżejjed provi biex Yorgen Fenech jibda għaddej ġuri hu wkoll, akkużat li kien il-mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia. Mill-aħħar ta’ Jannar ta’ din is-sena, hu jinsab fuq libertà kundizzjonata.
B’hekk, skont il-Pulizija, kull min seta’ kien involut fid-delitt ta’ ftit inqas minn tmin snin ilu qed jiskonta sentenza jew jinsab għaddej proċeduri ġudizzjarji.
Il-ġuri tal-lum qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima, li f’Diċembru tal-2022 ukoll kienet ċaħdet talba minn Jamie Vella, li ried li din tirrikuża ruħha minħabba li ppresediet ukoll il-ġuri tal-aħwa George u Alfred Degiorgio.
Għal dan il-ġuri, li qed jitqies ukoll fost l-aktar importanti f‘għexieren ta’ snin u qed jattira l-interess anke tal-midja internazzjonali, issejħu mat-300 persuna biex minnhom jintagħżlu disgħa, li se jservu ta’ ġurati, u sitta oħrajn li jkunu ġurati ta’ riserva, flok is-soltu tlieta.
Dan il-proċess beda fid-9:00 ta’ dalgħodu u baqa’ għaddej għal iżjed minn siegħa u nofs.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukati Ġenerali Godwin Cini u Anthony Vella.
Għall-akkużati qed jidhru l-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia għal Jamie Vella, l-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin għal Robert Agius, l-Avukat Nicholas Mifsud għal Adrian Agius u l-Avukati Leslie Cuschieri u Noel Bianco għal George Degiorgio.