Hawnekk se tkun tista ssegwi dirett il-proċess tal-għadd tal-voti fin-Naxxar.
10:15- Minħabba li qed jinkixfu l-voti kollha tal-kaxxa u mhux bħal ma kien isir qabel (pakkett ta’ 50 vot minn kull kaxxa) il-kampjun se jieħu aktar ħin sabiex jinħadem iżda r-riżultat tiegħu se jkun aktar preċiż.
10:08- Ġaladarba l-voti qed jintwerew lill-aġenti u il-kaxxa titlesta, il-voti qed jiddaħħlu fl-iscanners sabiex jibdew jingħaddu. Kif jidħlu l-voti kollha jingħaddu awtomatikament u jintirtu skont il-proċess elettorali ta’ din l-elezzjoni. Infakkru li r-riżultat finali ma jistax joħroġ qabel il-23:00 tal-lejla. Ir-riżultat tal-kampjun juri biss id-differenza bejn il-partiti.
09:44- L-aġenti tal-partiti qed jghażlu d-dubjużi minn dawk tajbin. Fl-istess ħin qed jimmarkaw l-ewwel preferenza ta’ kull vot.
09:35 – Il-voti bdew jinkixfu kaxxa kaxxa ta’ kull distrett.
09:23- Kollox jinsab lest. Il-voti se jibdew jinqelbu dalwaqt.
09:20- Jidher li l-ewwel fażi li matulha nfetħu l-kaxxi kollha ħadet madwar sagħtejn aktar milli mistenni. Ghalekk din hija l-kawża ewlenija għal dan id-dewmien.
09:11- Waqt li l-aġenti se jkunu qed jaraw il-voti jekk hux dubjużi se jkunu wkoll qed jieħdu l-kampjuni fuq ktejjeb żgħir li għandhom. Dawn se jkunu qed jimmarkaw l-ewwel preferenza ta’ kull vot minn fuq kull kaxxa.
09:07- l-għadd se jibda dalwaqt. L-aġent tal-Kummissjoni Elettorali qed jitlob lill-aġenti kollha tal-Kummissjoni Elettorali u tal-partiti sabiex jieħdu posthom.
08:58- L-aġenti tal-partiti ħadu posthom u l-adjudicators deħlin wara l-monitors. Kollox qed jindika li Fil-minuti li ġejjin se jibda l-proċess tal-għadd tal-voti. Fis-sala żdied ukoll l-ammont ta’ Pulizija preżenti.
08:46- Jidher li l-kaxxi kważi nfetħu kollha u fis-sala tal-għadd tal-voti qed jidħlu aktar aġenti tal-partiti. Kollox jindika li fil-ħin li ġej se jkun qed jiskatta l-ewwel proċess tal-għadd. Proċess li magħtulu se jkunu qed jittieħdu wkoll l-ewwel kampjuni.
08:25- Il-Kummissjoni Elettorali rrevediet it-turnout uffiċċjali sabiex issa dan żdied bi 2%. Jiġifieri issa vvutaw 72.6% ta’ dawk li ġabru l-vot għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan in-numru inbidel wara li mat-turnout tal-bieraħ ġew miżjuda l-advance voters u dawk li vvutaw fid-djar tal-anzjani u fl-isptarijiet.
08:15- l-aġenti tal-għadd tal-Kummissjoni Elettorali mistennija jibdew idawwru l-voti wiċċhom il-fuq siegħa oħra. Matul dan il-proċess l-aġenti tal-Partiti mistennija jieħdu l-ewwel kampjuni tagħhom.
07:00– L-ewwel proċess tal-għadd tal-voti beda wara l-22:00 tas-Sibt filgħaxija meta l-assistenti tal-għadd fin-Naxxar bdew jiftħu kaxxa kaxxa u l-voti kollha bdew jitpoġġew f’pakketti wiċċhom l-isfel. Din il-parti tal-proċess tal-għadd ittardjat b’madwar siegħa u għalekk il-proċess tal-għadd mistenni jibda għat-08:00. Għall-ewwel darba dan l-għadd se jkun qed isir b’mod awtomatiku għalekk issa x-xogħol tal-aġenti tal-Partiti se jkun li jiddeterminaw liema voti huma validi jew le. L-għadd tal-voti mistenni jagħti riżultat wara ftit sigħat iżda dan ma jistax jiġi ppubblikat qabel il-23:00 tal-Ħadd filgħaxija. Għalekk sal-ħdax tal-lejla l-Partiti se jkunu jafu b’kemm intrebħet l-elezzjoni iżda mhux se jkunu jafu n-numru ta’ siġġijiet li se jkunu eleġġew fil-PE.