Mijiet inġabru f’waħda mill-akbar knejjes f’pajjiżna biex jagħtu l-aħħar tislima lill-imprenditur Hugo Chetcuti li tilef il-battalja mal-mewt, il-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra wara li safa attakkat b’żewġ daqqiet ta’ sikkina fl-istonku tiegħu waqt il-ftuħ ta’ stabbiliment ġdid tiegħu f’San Ġiljan.
Il-korteo tiegħu wasal fil-Knisja ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid wara li għadda minn quddiem bosta stabbilimenti tiegħu f’Paceville – il-mekka tad-divertiment f’pajjiżna, fejn b’differenza minn jie oħra ddominat ħemda siekta li ttarrax aktar mill-għajjat u storbju ta’ żgħażagħ u adulti li ta’ kull filgħaxija joħonqu l-istabbilimenti tad-divertiment li bosta minnhom kienu tiegħu.
Spikkat il-preżenza qawwija ta’ ħaddiema li mlew numru ta’ xarabanks u daħlu fil-Knisja flimkien lebsin flokkijiet suwed bl-arma ta’ Hugo fuq sidirhom.
Waqt l-omelija, il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Raħal Ġdid Dun Marc Camilleri nnota li kulħadd irid li ssir ġustizzja, iżda appella għal talb biex Hugo imur jiltaqa’ mal-Mulej.
Qal ukoll li Hugo bena imperu tul ħajtu, iżda ma kienx trux għall-karba ta’ dawk l-aktar fil-bżonn.
Hawnhekk spikkat l-espressjoni fuq wiċċ is-sorijiet tal-Ursolini – li fl-aħħar jiem ibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja mill-istess Hugo għal proġetti fil-Cresche f’Tas-Sliema.
Qabel mar għall-aħħar vjaġġ, it-tebut bil-ġisem bla ħajja tas-Sur Chetcuti ntlaqa’ b’ċapċip kbir, fejn ittajru wkoll ħamiem bojod minn persuni l-aktar qrib tiegħu.
Hugo Chetcuti miet fit-tnax ta’ Lulju wara sitt ijiem jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.
B’rabta mal-qtil tiegħu qed jinżamm arrestat Serb ta’ ħamsa u tletin sena li qed jiġi akkużat bi qtil volontarju.