Bħalissa, fil-Konkatidral qed tiġi ċċelebrata l-unika quddiesa għal Ħamis ix-Xirka, mill-Arċisqof flimkien mas-saċerdoti tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. L-enfasi tagħha huwa fuq l-għaqda li Ġesù xtaq li jkun hemm bejn dawk li jemmnu fih, b’mod speċjali dawk li ġew afdati biex ikomplu l-ħidma tiegħu. F’din il-Quddiesa s-saċerdoti jġeddu l-wegħdiet tal-ordinazzjoni saċerdotali tagħhom,
b’tiġdid ta’ impenn tal-għaqda bejniethom u mal-isqof tagħhom. Fiha wkoll jitbierku ż-żjut tal-morda u tal-katekumeni, u jiġi kkonsagrat iż-żejt, mħallat bil-fwejjaħ, tal-griżma. Dawn iż-żjut jintużaw fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti matul is-sena, sa Ħamis ix-Xirka ieħor. Iż-żejt tal-griżma jintuza wkoll waqt l-ordinazzjoni ta’ saċerdoti u isqfijiet u fil-konsagrazzjoni ta’ knejjes jew altari.
Intant illejla fil-Parroċċi madwar Malta u Għawdex issir it-Tifkira Solenni tal-Aħħar Ikla tal-Mulej li tibda f’xi ħin wara nżul ix-xemx, xħin ikun qed joqrob il-lejl. Matulha, il-Knisja tfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija u l-istituzzjoni tal-qadi bħala l-ministeru ewlieni tal-Knisja wara x-Xandir tal-Kelma. F’din iċ-ċelebrazzjoni ssir wkoll il-ħasil tar-riġlejn.