Il-Prim Ministru Joseph Muscat wissa li l-mod kif tkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia dwar ir-rapport tal-awditur ġenerali dwar il-power station huwa sinjal ta’ kif l-Oppożzizzjoni qed jilgħabu bis-settur tal-enerġija b’mod dilettantesk. Jekk il-poplu jerġa’ jagħtihom il-fuduċja, huma se jerġgħu jgħollu l-prezzijiet tal-elettriku.
Minkejja d-diskrepazni kollha, l-Awditur Ġenerali kkonferma għal darb’oħra li fl-aħħar mill-aħħar, l-għoti tal-kuntratt lill-konsorzju Electrogas sar b’mod serju, trasparenti, u b’mod strutturat. Dik kienet l-għazla li kellha ssir.
Il-Parlament iddiksuta r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-power station wara talba li saret mill-Whip tal-Gvern Byron Camilleri. Huwa saħaq li l-Gvern lest li jissospendi l-aġenda tas-seduta biex ikun diskuss ir-rapport li kien ippubblikat nhar l-Erbgħa li għadda.
Il-Prim Ministru qal li l-kredibilità tal-Oppożizzjoni dwar l-enerġija hija żero.
Sostna li dan kien l-akbar proġett infrastrutturali li qatt sar f’pajjiżna sal-lum il-ġurnata. Il-Partit Laburista ma ħeliex iż-żmien li għamel fl-Oppożizzjoni. Il-Gvern Nazzjonalista kien jgħid li ma jistax ikun li jorħsu l-kontijiet u li l-konsumatur kellu jidrawhom.
Meta l-PL beda jagħti d-dettalji, ħarġu b’affarijiet surreali li ma kienx hemm vapuri li jġorru l-gass għall-power station. L-Oppożizzjoni ma tafx x’qed tgħid: Jew il-power station ma setgħetx issir jew inkella l-PL kien miftiehem minn qabel ma’ min kellu jibniha.
Il-PM qal li huwa sodisfatt li kien hemm koperazzjoni mill-ministeru u entitajiet kollha involuti u wrew li l-proċess kien wieħed miftuħ. Li d-due diligenze saret bil-Google Search mhux veru xejn. “Aħna dil-power station ma sibniex minn fuq il-Yellow Pages!” sostnaDr Muscat.
Anke dwar l-Ażerbajġan, il-Prim Ministru qal lil Delia biex issa lill-Kummissjoni Ewropea jgħidilha biex ma tkomplix bil-koperazzjoni li qed tagħmel ma’ dan il-pajjiż.
Dr Muscat tenna li l-Gvern ma jaqbilx ma’ xi punti fil-konklużjonijiet li wasal għalihom l-Uffiċċju tal-Awditur għax għamel paraguni li ma kinxu korretti, fosthom dwar il-prezzijiet tal-elettriku mill-interconnector.
Ir-rapport tal-awdituri ma ħax in kunsiderazzjoni l-prezz tal-interconnector għax it-Taljani ma tawulniex b’xejn. Mill-aktar pajjiż li fl-2013 kellu r-rati tal-elettriku bħala l-ogħla fl-UE, issa ġejna għall-medja Ewropea. Anqas ħadu in kunsiderazzjoni l-prezz tal-elettriku mill-interconnector fl-4 ta’ fil-għodu u t-tmienja tal-filgħaxija.
Dr Muscat qal li anke l-UE tesiġi li jrid ikollok fuq xiex taqa’ permezz ta’ energy mix.
Qal li l-Oppożizzjoni trid li tħalli mixgħula l-power station ta’ Delimara li kienet taħdem biż-żejt maħmuġ.
Saħaq li l-Awditur jasal għall-konklużjoni li minkejja d-diskrepanzi kollha, l-għażla li għamel il-kumitat ta’ evalwazzjoni kienet l-għażla li kellha ssir.