“Quddiem l-isfidi dejjem rebaħ il-kuraġġ li nagħmlu s-sewwa.”
Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela f’attività politika fiċ-Ċentru Laburista fil-Fgura, il-Ħadd filgħodu, fi sfond ta’ diskussjoni fuq emenda fil-kodiċi kriminali li bħalissa tinsab quddiem il-Parlament, biex jiġu protetti l-mara u l-professjonisti mediċi f’każ ta’ komplikazzjoni fit-tqala li tpoġġi f’periklu ħajjet jew saħħet il-mara.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru kompla jemfasizza li bl-emendi fil-Kodiċi Kriminali li tressqu quddiem l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna li jikkonċernaw it-terminazzjoni ta’ tqala f’każ ta’ periklu gravi għall-ħajja u saħħet il-mara, l-abort se jibqa’ projbit u illegali.
Dan għaliex mhux qed titneħħa l-ebda klawsola biex f’Malta l-abort isir legali. Fil-fatt, il-liġijiet fir-rigward tal-abort f’pajjiżna mhux se jintmessu.
Il-Prim Ministru stqarr li l-għan wara dawn l-emendi huwa wieħed b’saħħtu, ġenwin u sewwa u kif fil-verita se jkunu se jkunu ftit ħafna dawk l-ommijiet li se jiġu bżonn din l-emenda iżda jekk anki tkun omm waħda biss li tiġi bżonnha, dan il-pajjiż għandu d-dmir li jaġixxi.
Robert Abela tenna wkoll li l-emenda se tagħti lill-professjonist il-kenn tal-liġi biex fejn saħħet u ħajjet l-omm tkun f’periklu gravi, ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet kliniċi mingħajr ma jħabbat wiċċu ma’ proċeduri kriminali li kapaċi jwasslu għal piena ta’ tlieta snin ta’ priġunerija.
Dan filwaqt li din l-emenda qed issir biss bl-iskop uniku biex tiġi salvata l-ħajja tal-omm f’mument li suppost huwa sabiħ iżda jinbidel f’mument diffiċli għaliex t-tqala ġġib magħha periklu lill-ħajja u s-saħħa tal-omm.
Dr Abela stqarr, “F’ħin daqstant delikat għall-omm, għall-koppja min ikun madwarha biex itiha l-appoġġ tiegħu? Jien? Il-Kap tal-Oppożizzjoni? Il-politiku? L-isqfijiet tagħna? Jew il-professjonist mediku biex irid jieħu dik id-deċiżjoni. Dak il-professjonist mediku, iva, għandu jkollu l-kenn tal-liġi li jieħu deċiżjoni favur is-saħħa u l-ħajja tal-omm mingħajr ir-riperkussjonijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali.”
Fil-fatt, il-Prim Ministru kien skjett fi kliemu u ċċara li bil-liġi fis-seħħ fil-preżent meta t-tobba jagħmlu intervent kliniku, ikun hemm ksur ċar tal-liġi tal-abort.
Tant hu hekk li hawn Dr Abela spjega li f’ċirkostanzi bħalma jiġri f’Mater Dei, biex tobba ma jitressqux bi proċeduri kriminali, kienet tintalab immunità mill-Avukat Ġenerali li jevalwa każ każ, u kien b’hekk li l-każ ta’ Andrea Prudente xpruna diskussjoni b’saħħitha fuq dan is-suġġett.
Fid-diskors tiegħu, Dr Abela qal li fil-prinċipju tagħha, din id-deċiżjoni tafda fil-professjoni medika. Huwa għamilha ċara li fejn huwa possibbli, il-professjonisti se jagħmlu dak kollu biex isalvaw ħajjet l-omm flimkien mal-fetu.
Il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna wkoll għall-kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fil-Parlament li attira lejh kritika kbira għal mod ta’ kif iżżufjetta b’mara f’sitwazzjoni ta’ emerġenza medika filwaqt li tefa’ dubji fuqha.
Robert Abela qal, “Lill-Kap tal-Oppożizzjoni ngħidlu li għandu kull dritt li ma jaqbilx. Jekk trid togħġob lil min poġġiek fuq is-siġġu, affarik u għamel li trid u jekk trid tagħmel minn kollox biex issalva postok, dik hija deċiżjoni tiegħek, żgur mhux se nindaħlulek fiha. Imma tużax lill-mara b’mod daqstant dispreġġjattiv kif għamilt fil-Parlament din il-ġimgħa. Dan il-moviment li dejjem ħadem favur l-emanċipazzjoni u l-ħarsien tal-mara u se jkun hemm biex jieqaflek.”
Dr Abela rrimarka li storikament f’pajjiżna kull bidla soċjali ġiet milqugħa b’kampanji ta’ biża’, fejn il-forzi konservattivi u l-Partit Nazzjonalista ngħaqdu flimkien biex iżommu l-pajjiż lura milli jwettaq riformi.
Hu stqarr, “Tinsewx ħaġa oħra imma illi hemm min fost dawn in-nies li dejjem jikkampanjaw bil-biża’. Illi dawn għadhom jemmnu illi huma biss is-sewwa illi huma biss għadhom jemmnu li għandhom dritt divin li jmexxu. Illi jemmnu wkoll illi meta kienu difnu lil missirijietna fil-miżbla, huma kienu qed jinvokaw xi dritt divin illi jagħmlu dan. Jemmnu li dak li jippontifikaw għandu jorbot fuq kulħadd barra fuqhom infushom għaliex komdi huma, komdu kulħadd.”
Il-Prim Ministru temm jgħid għal dan il-Gvern kull persuna għandha valur filwaqt li għandu fiduċja kbira f’pajjiżna u f’niesu.
Hu qal, “Meta twettaq ir-riformi dejjem se ssib ir-reżistenza imma quddiem l-isfidi dejjem rebaħ il-kuraġġ li nagħmlu dak li nemmnu li huwa s-sewwa. Is-sewwa għaliex kull persuna għalina għandha valur. Is-sewwa għaliex għandna fiduċja kbira f’pajjiżna u f’niesu.”