Il-Prim Ministru bħalissa qed jindirizza mass rally fil-Ħamrun wara li l-Partit Laburista ħabbar rebħa storika oħra.
“Urejna li dak li jgħaqqadna huwa ikbar minn dak li jifridna,” beda l-Prim Ministru Joseph Muscat fost l-entużjażmu tal-folla kbira li nġabret.
Sa issa l-Partit Laburista ġab maġġoranza ta’ 48,000 vot. “Dak kollu bis-saħħa tal-għaqda li żrajna,” sostna l-Prim Ministru. “Dan il-moviment mhux persuna waħda iżda aħna lkoll.”
“Mhux il-mument li naraw in-nies dubbien iżda huwa mument għall-għaqda nazzjonali fost kulħadd. Napprezza dak li għamiltu miegħi, ma’ marti Michelle u ma’ uliedi wkoll.”
“Huwa wkoll il-mument li l-poplu Malti qal li ma jridx min imur barra minn pajjiżna u jaħdem kontra pajjiżna.”
Hawnhekk il-Prim Ministru ħabbar li l-partit Laburista kiseb 4 siġġijiet fil-Parlament Ewropew. Hawn għadda wkoll appell għaż-żewġ membri li se jkunu eletti mal-partit Nazzjonalista fejn qalilhom “Aħna lesti naħdmu magħkom, kunu lesti taħdmu magħna intom ukoll.”
“Għada mmorru lura għax-xogħol bi tbissima u nuru kemm dan il-pajjiż wasal, kemm hu sabiħ dan il-pajjiż, noħorġu idna għal kulħadd u nuru li veru Malta hija verament f’qalbna.”
Indaqq l-innu Malti appena l-Prim Ministru temm il-messaġġ tiegħu fost applaws kbir mill-poplu preżenti.