Waqt li kient qed jindirizza attività politika fiċ-Ċentru Laburista ta’ Birkirkara, il-Prim Ministru Joseph Muscat beda b’appell biex il-poplu Malti u Għawdxi jgħarrfu x-xogħol imprezzabbli li jagħmlu l-Kunsilli Lokali, li issa resqin ukoll lejn elezzjoni f’Mejju li ġej.
Il-Prim Ministru nnota b’sodisfazzjon dwar ir-riżultati ta’ tkabbir ekonomiku li Malta qed tesperjenza, li din il-ġimgħa reġa’ ġibed l-għajn ta’ Aġenziji ta’ Kreditu bħal Fitch u Moody’s.
Fakkar li dan huwa Gvern li jrid iqassam il-ġid li huwa stess ħoloq. Muscat fakkar kif snin ilu, Gvern Laburista ġdid beda pjan biex joħloq ix-xogħol, biex kull persuna li tiflaħ toħroġ taħdem, ikollha dan iċ-ċans.
Dan huwa punt fundamentali, saħaq il-Prim Ministru, li dan it-tkabbir ekonomiku huwa bżonnjuż biex mudell ta’ pajjiż ikun sostenibbli għas-snin li ġejjin.
Il-mudell ta’ Malta huwa li jinfteħu l-bibien u li l-Gvern jilqa’ l-isfidi tal-globalizzazzjoni. Dan huwa l-mod kif pajjiżna jsir sostenibbli.
Innota s-sitwazzjoni li ftit tas-snin ilu kienu qed jesprejnzaw il-pensjonanti li ma kinux iwasslu sal-aħħar tax-xahar biċ-ċekk tal-Gvern.
Fakkar kif il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien jgħid li ftit li xejn kien hemm soluzzjonijiet bħal dawn.
Gvern Laburista rnexxielu jsib mod kif il-pensjonanti jassigurahom miċ-ċekk tal-pensjoni, u għall-ewwel darba f’25 sena, il-pensjonijiet żdiedu għall-ħames snin li ġejjin. Dan huwa frott tax-xogħol li nġieb Malta fl-aħħar snin.
Il-Prim Ministru Muscat qal ukoll li l-Gvern ta preċedent biex in-nisa jingħataw inċentiv li jkunu jistgħu jkomplu bil-karriera tagħhom. Fakkar kif sa ftit ta’ snin ilu n-nisa ftit li xejn kellhom ċans ikomplu bil-karriera tagħhom wara li kellhom l-ulied, u kellhom jirrinunzjaw il-karriera tagħhom, kif kien mistenni minnhom mis-soċjetà. Din ir-realtà nbidelt grazzi għall-inċentiv ta’ childcare b’xejn li tat lura ċ-ċans ta’ karriera lil eluf ta’ nisa.
Semma wkoll l-introduzzjoni tal-in-work benefit, li jitħallas lil persuna miżżewġa jew ġenitur waħdu li jkun impjegat, u għandu tfal jgħixu fl-istess residenza tiegħu u dipendenti minnu. Eluf ta’ persuni li qabel kienu dipendenti fuq it-taxxi, illum ingħataw id-dinjità u qed jikkontribwixxu għall-ekonomija Maltija.
Elenka wkoll għal setturi li qed jikbru f’pajjiżna, bħat-turiżmu speċjalizzat u l-istampar. Saħaq li s-suq barrani huwa kruċjali biex tkompli tikber l-ekonomija, hekk kif dawn il-ħaddiema jikkontribwixxu għall-ħlas tat-taxxi li minnhom igawdi l-poplu kollu.
Dan il-Gvern, sal-lum, m’għamilx bħal Gvernijiet ta’ qabel li żiedu ċentimetru fil-konfini tal-iżvilupp. Dan huwa Gvern li l-linji ta’ żvilupp, l-aħħar li ċċaqalqu fl-2006, fi żmien Gvern Nazzjonalista. Il-Prim Ministru qal li hawn bżonn ta’ aktar responsabbiltà fl-applikazzjonijiet. Fakkar kif sa din il-ġimgħa stess irdoppja s-sussidju tal-kirjiet għall-persuni. Dan huwa l-mod kif il-Gvern qed jgħin lill-familji jaslu sal-aħħar tax-xahar sakemm tinstab soluzzjoni fit-tul għall-isfidi li joffri s-settur tal-kirjiet. U dan kollu huwa frott it-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza l-pajjiż.
Fakkar ukoll li dan huwa Gvern b’ruħ soċjali, tant li din il-ġimgħa stess qassam tmien miljun ewro lura lill-anzjani apparti l-pensjoni biex dawn ikunu mgħejjuna aħjar.
Fuq kollox fakkar li dan huwa Gvern li ma jibżax ikollu riformi biex ikompli jtella’ l-fuq lis-soċjetà Maltija li hija waħda ġusta u li għandha l-aspirazzjonijiet.