Fil-Marsa, il-Prim Ministru tkellem dwar l-inkonsistenza tal-oppożizzjoni fis-settur tal-immigrazzjon. Filwaqt li kontinwament trewwaħ kontra l-barranin, fl-istess ħin proponiet li Malta ssir ċentru fejn jintlaqgħu l-immigranti.
Intervistat għal siegħa, Joseph Muscat spjega kif f’dan is-settur il-gvern jieħu t-triq tas-sens komun u fakkar kemm il-gvern ta widen lill-komunità tal-Marsa biex tiżdied is-sigurtà fil-lokal.
Fuq kollox innota kif dwar il-kwistjoni tal-barranin l-oppożizzjoni qed tuża retorika ta’ partiti tal-lemin estrem. “Aħna mhux se nilagħbu dik il-logħba. Imma ma nistax nifhem kif is-Sibt tgħid li fqajtu lill-Malta bil-barranin u l-Ħadd toħroġ manifest fejn tgħid li l-barranin kollha li jiġu salvati nġibuhom Malta,” irrimarka l-Prim Ministru li fisser kif il-gvern ma jaqbilx ma’ dan. “Ma nistgħux nsiru l-pajjiż fejn nerfgħu l-piż tal-Ewropa kollha,” tenna Joseph Muscat li tkellem dwar kif il-gvern dejjem jgħid dak li jemmen.
Joseph Muscat innota wkoll id-dikjarazzjoni li saret mill-oppożizzjoni nazzjonalista li n-nisa Maltin qegħdin l-agħar fl-Ewropa. “Lanqas li kieku qegħdin fl-oppożizzjoni ma jgħaddili mill-antiporta ta’ moħħi li s-sitwazzjoni tan-nisa Maltin hi l-agħar fl-Ewropa,” qal il-Prim Ministru li tkellem dwar għadd ta’ miżuri meħuda biex ikunu mgħejjuna n-nisa. “Possibbli għandna oppożizzjoni li taqa’ tant f’negattività?” staqsa l-Prim Ministru li tenna li għalih il-Maltin huma l-Aqwa fl-Ewropa.
Il-miżien se jxaqleb lejn il-prijoritajiet il-ġodda
Il-Prim Ministru irrimarka dwar kif sa ftit snin ilu l-prijorità tal-Maltin u l-Għawdxin kienet li wieħed isib ix-xogħol. Illum li l-Maltin għandhom l-opportunitajiet qed jaħsbu fi prijoritajiet oħra bħal ħin mal-familja. Fisser kif il-gvern qed jifhem dan u l-ħidma f’dan il-qasam se tkun prjorità.
“Dik li gwidatna lilna biex il-vaganzi li ħa ħaddieħor aħna qed nagħtuhom lura. Għax in-nies, hekk qed nagħtuhom lura l-ħin. Il-ħin sar waħda mill-prijoritajiet il-kbar,” qal Joseph Muscat li tenna li l-enfasi hi wkoll il-post fejn wieħed iqatta’ dak il-ħin.
Hawn tkellem fuq il-proġett li mistenni jitħabbar dalwaqt bil-għan li jkun hemm spazji fejn il-familji jgħaddu dan il-ħin. Kompla jispjega kif hemm żona partikolari f’dan il-pajjiż li l-gvern seta’ bniha, fosthom għall-fabbriki li tant hawn bżonn. Peró l-gvern iddeċieda mod ieħor.
“Il-gvern qal fuq ix-xogħol u l-ekonomija qed nagħmlu ħafna u l-miżien qed ixaqleb hemm. In-nies iridu iktar ħin u iktar spazji miftuħa u se nibdew inxaqilbu l-miżien hemm,” qal il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-investiment fl-infrastruttura. Investiment li jrid isir skont standards Ewropej.
Investiment fil-Marsa
Il-Prim Ministru irrimarka dwar kif fil-Marsa kienet waħda mil-lokalitajiet fejn il-Partit Laburista ħadem kemm felaħ biex ikollu kemm jista’ jkun kandidati. “Konna qed narawha ġejja l-affari,” qal il-Prim Ministru li fisser kif il-PN għamel strateġija bil-għan li jevita l-elezzjoni f’numru ta’ lokalitajiet. Xi ħaġa li kienet ġrat qabel fil-Marsa u anke fiż-Żejtun. “Din id-darba kienet se tkun irfinuta… aħna ma rridux ftehim li ma jsirux elezzjonijiet. Aħna rridu li n-nies jivvotaw u jiġġudikaw,” qal il-Prim Ministru.
“Li hu żgur li jista’ jserraħ moħħu l-kunsill fil-Marsa hi li se jerġa’ jsib gvern jgħinu,” qal il-Prim Ministru li fakkar kif il-gvern għalaq il-power station tal-Marsa.
Il-Prim Ministru tenna li l-gvern irid jikkonsulta ma’ Kunsill Lokali ġdid dwar il-lok fejn kien hemm il-power station. “Qed nara post ta’ rikreazzjoni qawwija għan-nies tal-Marsa biex ikollhom pulmun ġdid. Dak il-post li kien qed imarradhom irid ikun il-post ta’ żvog għalihom,” qal Joseph Muscat.