Bi spazju miftuħ li ngħata dehra kompletament ġdida fl-isfond, il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura l-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza Antoine De Paul f’Raħal Ġdid.
B’investiment ta’ kważi erba’ miljun ewro, din il-pjazza tissimbolizza l-għoti ta’ ħajja mill-ġdid lil-lokalità ta’ Raħal Ġdid.
Barraminnhekk, din il-lokalità titqies bħala ċentru kummerċjali u għalhekk il-pjazez għandhom isiru spazju fejn wieħed jista’ jimraħ f’ħajja soċjali.
Il-Prim Ministru qal “Kemm ikun aħjar kieku fil-pjazzez li n-nies inkomplu nagħtuhom aktar spazju fejn jimirħu, l-għaqdiet ċivili u reliġjużi kollha nofrulhom aktar opportunitajiet biex f’ambjent ferm isbaħ fi spazji miftuħa fejn għandna llum bħal din f’Raħal Ġdid ikun post sigur fejn itellgħu l-attivitajiet tagħhom.”
Il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega kif il-proġett ħaseb ukoll biex tiġi rdoppjata ż-żona pedonali.
Tul il-proġett kien issalvagwardjat ukoll l-aspett ekoloġiku tal-pjazza hekk kif tħawlu madwar ħamsin siġra u tlett mitt arbuxella, filwaqt li l-maġġoranza tas-siġar li kienu preżenti qabel, tħawlu mill-ġdid fi Ġnien il-Mediterran – li l-aċċess għalih se jkun mill-pjazza stess permezz ta’ ‘Green Corridor’.
Dr. Muscat innota li minn dan il-proġett mhux se jibbenefikaw biss ir-residenti Pawlisti, iżda l-poplu kollu – b’mod partikolari in-nies tan-naħa t’isfel ta’ Malta.
Spjega li “Bħala gvern ħdimna biex lin-nies ta’ Raħal Ġdid u jien ngħid ferm aktar minn hekk, għaliex Raħal Ġdid huwa ċ-ċentru anke għal-lokalitajiet għan-naħa t’isfel ta’ pajjiżna u anke ċ-ċentru kummerċjali b’għad kbir ta’ negozji li jkun fih, ikun hawn verament l-ambjent illi jixraq.”
Kemm is-Sindku ta’ Raħal Ġdid Dominic Grima kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u l-Komunitajiet Silvio Parnis saħqu fuq l-importanza li dan il-proġett għandu għal-lokalità.
Is-Segretarju Parlamentari innota li minn dejjem kienet ħolma tiegħu li jara l-pjazza Antoine De Paule Ċentru Soċjali u Kummerċjali. Fakkar li kien biss wara l-elfejn u tlettax li l-gvern alloka l-fondi għal dan il-proġett wara snin ta’ apatija minn gvernijiet preċedenti li ma tawx l-importanza meħtieġa lil dawn l-inħawi ta’ pajjiżna.