Il-grupp ta’ kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, huwa l-ikbar grupp li partit politiku qatt ippreżenta fl-istorja ta’ pajjiżna kemm ilhom isiru l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.
Fil-Barakka ta’ fuq, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista preżenta lit-tim b’saħħtu ta’ 398 kandidat, li qegħdin jitfgħu isimhom fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Tim imżewwaq b’kandidati minn kull sfera tas-soċjetà.
“Sodisfatti mmens ukoll bil-firxa reġjonali tal-kandidatura tagħna fejn ninsabu preżenti b’mod b’saħħtu kemm fin-naħa ta’ fuq, kemm fiċ-ċentru u wkoll fin-naħa t’isfel tal-pajjiż u mhux l-inqas f’Għawdex fejn in-numru ta’ kandidati f’Għawdex żdiedet b’mod drastiku,” spjega l-Prim Ministru.
Aktar minn terz tal-kandidati huma żgħażagħ, b’żewġ kandidati għandhom inqas minn 18-il sena.
Kwart tal-kandidati huma nisa li jirrifletti żieda sostanzjali mill-aħħar elezzjoni tal-kunsilli lokali.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat innota s-sehem tal-programm LEAD għal dan it-titjib u fakkar li l-mira tal-Partit Laburista hi li l-kandidatura tibda tkun ugwali.
Il-Partit Laburista għandu ħames kandidati b’diżabilità, li fi kliem il-Prim Ministru għandhom abiltà kbira biex iservu liċ-ċittadini.
Bis-swied ta’ qalb, il-Prim Ministru tkellem dwar il-logħba politika li prova jilgħab il-Partit Nazzjonalista li ried iċaħħad id-dritt tal-vot lil madwar 130,000 ċittadin fi 23 lokalità, kieku l-Partit Laburista ma preżentax aktar kandidati milli kien hemm bżonn.
Hawn il-Prim Ministru Joseph Muscat appella sabiex liċ-ċittadini kollha ta’ Malta u Għawdex joħorġu jivvutaw fil-25 ta’ Mejju.
“Induru bieb bieb, triq triq, jien l-ewwel wieħed ma’ sħabi u mal-kandidati kollha u naraw li dawn iċ-ċittadini li ħaddieħor ried iċaħħadhom mid-dritt tal-vot, ikunu qegħdin hemmhekk biex jagħmlu l-għażla tagħhom,” qal il-Mexxej Laburista.
Lill-kandidati, l-Prim Ministru appellalhom sabiex wara l-ħamsa u għoxrin ta’ Mejju, ixammru l-kmiem u jaħdmu mal-kunsilliera kollha eletti għall-interess tal-lokalità.
“Issa naħdmu għall-25 ta’ Mejju li ġej biex inkunu nistgħu nġibu l-aħjar riżultat possibli iżda wara l-25 ta’ Mejju, l-ewwel ma tiġi hija l-lokalità,” tenna Dr Muscat.
Biex żgur jolqot il-bżonnijiet tal-komunitajiet kollha Maltin, il-Prim Ministru fisser kif il-Partit Laburista se jippreżenta manifest elettorali għal kull lokalità. Kull lokalità ħa jkollna sett ta’ proposti, ċari għaliha, għax kull komunità qiegħda tingħata importanza speċifika.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu kliem ta’ ringrazzjament għall-kandidat kollha, ġejjin mil-liema partit ġejjin, talli qegħdin joffru lilhom infushom sabiex ikunu ta’ servizz għall-komunità tagħhom.