Il-Prim Ministru Joseph Muscat ppreżenta dak li ddeskriva bħala “tim tajjeb ħafna” ta’ erbatax-il kandidat u kandidata li se jikkontestaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista.
Kandidati li ilhom xhur jikkampanjaw u jwasslu l-viżjoni tagħhom lill-poplu dwar x’jagħmlu jekk jingħataw il-fiduċja, u llum fil-Kalkara l-Partit Laburista wera l-fiduċja tiegħu fihom.
Il-Prim Ministru qal li l-kandidati Laburisti huma nisa u rġiel ta’ etajiet differenti li ġejjin minn kull reġjun fil-pajjiż u minn oqsma varji fis-soċjetà. Dan kollu biex jolqtu dak li verament għandhom bżonn in-nies hemm barra.
Jumejn qabel Malta tfakkar il-ħmistax anniversarju mid-dħul tagħha fl-Unjoni Ewropea, il-Mexxej Laburista qal li l-Partit qed jippreżenta l-viżjoni ta’ fejn nixtiequ naslu bħala Malta fl-Ewropa, u kif nixtiequ li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa fis-snin li ġejjin.
Qal li min jiġi elett irid jieħu sehem dirett biex jara li dak li jsir fl-Unjoni Ewropea jkun ta’ ġid għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, fl-aqwa interess ta’ pajjiżna. Aċċerta li żgur ħadd mill-kandidati tal-Partit Laburista mhu se jaġixxu jew jitkellmu kontra Malta, bħalma għamlu l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista fil-ħames snin li għaddew. Il-Prim Ministru temm jappella biex bħalma dejjem kienu fil-passat, din ukoll tkun kampanja pożittiva mingħajr ebda lok ta’ negattività.