L-MEPs jċapċpu għal tweġiba ta’ Glenn Micallef dwar l-ugwaljanza fl-isport
Matul il-grilling lin-nominat Malti għall-Kummissarju Ewropew, Glenn Micallef ġie mistoqsi mill-Ewroparlamentari Kroat, Stephen Nikola Bartulica, dwar jekk huwiex aċċettabbli li nisa transgender ikunu fl-isport.
B’mod kalm u ċar, il-Malti, Glenn Micallef wieġeb li dik hija deċiżjoni tal-organizazzjoni sportiva u tagħmel dan b’mod indipendenti.
Micallef żied jgħid li l-isport huwa għal kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru tal-persuna.
Għal din it-tweġiba kien hemm ċapċipa mill-Membri Parlamentari Ewropej li jinsabu fil-kamra.
DISKORS TAL-BIDU
Se noħolqu l-ewwel strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet. Dan intqal mill-Kummissarju Ewropew nominat għal Malta, Glenn Micallef, fid-diskors tiegħu quddiem il-Membri Parlamentari Ewropej waqt is-smigħ tiegħu fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
Micallef sostna li ż-żgħażagħ se jkunu fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu, jekk jintgħażel mill-Membri Parlamentari Ewropej.
Intqal li biex l-Unjoni Ewropea trid tibqa’ relevanti, il-politika Ewropea trid issir maż-żgħażagħ. Hawnhekk semma li flimkien mal-Preisident tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen se joħolqu Youth Advisory Forum, bil-għan li l-leħen tagħhom jinstema.
Fid-diskors tiegħu, Glenn Micallef semma li bħala Kummissjoni Ewropea trid taħdem sabiex tiġġieled il-faqar fost it-tfal, biex ħadd ma jibqa’ lura. Hawnhekk semma li s-saħħa mentali fost it-tfal trid tkun protetta, b’mod speċjali b’mod online u se jitmexxa pjan fl-Unjoni Ewropea dwar is-cyberbullying.
Intqal ukoll li mis-sena d-dieħla kull proposta mill-Kummissjoni se tkun qed tara li din ma taffettawx b’mod negattiv liż-żgħażagħ.
Tkellem ukoll dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, li din toffri opportunitajiet ġodda, iżda din toffri sfidi ġodda. Hawnhekk semma li hu se jaħdem biex tinħoloq strateġija dwar l-AI għall-industrija tal-kultura u l-kreattivita.
Semma wkoll kif l-Unjoni Ewropea trid taħdem aktar dwar l-isport, hekk kif 45% tal-popolazzjoni Ewropea ma tagħmel l-ebda attivita fiżika.
Dwar il-fondi Ewropej, Glenn Micallef saħaq li l-Kummissjoni trid tiżġura li l-fondi Ewropej imorru għal affarijiet li jibbenefikaw l-aktar liż-żgħażagħ.
AKTAR QABEL
Bejn is-2:30pm u l-5:30pm, fil-Parlament Ewropew fi Brussell se jsir is-smigħ jew kif inhu magħruf aħjar bħala “grilling” tal-Kummissarju Ewropew nominat għal Malta, Glenn Micallef.
F’seduta ta’ tliet sigħat, Micallef se jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Membri Parlamentari Ewropej, primarjament dawk tal-Kumitat Parlamentari responsabbli milll-kultura u l-edukazzjoni.