10:50 – Il-Ministru għall-Intrapriżi Miriam Dalli sostniet fuq l-importanza li pajjiżna jibqa’ jattira investiment ġdid lejn pajjiżna.
Investiment li partikolarment għandu x’jaqsam mat-tkabbir tal-ekonomija l-ħadra. Dr Dalli spjegat kif dan jagħmel parti mill-viżjoni tal-Gvern hekk kif qed iħares lil hinn mill-preżent iżda lejn futur aktar sostenibbli.
“Il-fatt li llum għandna Ministeru li jiġbor fih l-enerġija, l-intrapriża u l-iżvilupp sostenibbli hija turija ċara ta’ din il-viżjoni. Din mhux xi ħaġa li se ssir f’qasir żmien iżda tirrikjedi numru ta’ snin u għalhekk irridu nħarsu ‘l quddiem.”
10:30 – Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li l-ewwel previżjonijiet kawża tal-pandemija kienu li madwar 50,000 persuna jitilfu xogħolhom.
Schembri rrimarka għall-ħidma tal-Gvern sabiex jilqa’ għal dan l-effett tal-pandemija fosthom permezz ta’ miżuri bħal dik tal-Covid Wage Supplement.
Semma wkoll l-effettività tad-djalogu f’qasir żmien tal-Gvern mal-komunità kummerċjali.
“Aħna l-fatt li aħna pajjiż żgħir, għandna komunikazzjoni tajba mal-imsieħba soċjali u mal-komunità kummerċjali, għandna dik il-paċi industrijali, li għenet biex naddattaw u nkunu flessibli ħalli ngħinu l-ekonomija ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Schembri.
09:30 – “Id-daqqa tal-lum hija 50 darba akbar minn dik tar-riċessjoni tal-2008.”
Hekk sostna l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana dwar l-effett negattiv tal-pandemija waqt konferenza tal-Gvern bit-tema, Lejn Prosperità Ġdida.
Minkejja dan, il-Ministru Caruana qal li Malta rnexxielha żżomm il-livell ta’ qgħad li kellha qabel il-pandemija.
Caruana sostna wkoll li d-diskors fl-Ewropa llum il-ġurnata huwa kif il-Gvernijiet se jżidu d-dħul tagħhom b’aktar taxxi. Madankollu sostna li dan huwa żball hekk kif il-Gvern ma jistax ikun responsabbli għal daqqa oħra lill-komunità kummerċjali.
Għalhekk appella għal aktar għaqal sabiex il-piż tad-dejn, ikun piż li jista’ jiġi sostnut.
“Irrid nara li fix xhur li ġejjin inżommu dan ir-ritmu li qbadna u nagħmlu dak kollu possibbli sabiex iva n-negozji tagħna jirnexxilhom iżommu lin-nies fix-xogħol,” qal il-Ministru Caruana.
Minkejja l-pandemija, il-Ministru Clyde Caruana sostna li l-programm ta’ ħidma tal-Gvern trid tibqa’ għaddejja, fosthom fuq suġġetti bħal dak tat-tassazzjoni u s-suq tax-xogħol.
Dwar dan, Caruana qal li hemm ħafna sfidi minkejja li tul l-aħħar snin dan il-Gvern għamel kisbiet kbar.
“L-akbar sfida hija li rridu nżidu l-produttività tagħna,” qal il-Ministru Caruana filwaqt li appella għal aktar paċenzja u sagrifiċċju quddiem dawn l-aħħar xhur ta’ sfida.
Temm jgħid li l-Budget li jmiss se jkun wieħed fejn jitħabbru aktar miżuri biex jintlaħaq livell t’għajxien aħjar għal kulħadd.