Taħdem f’settur relatat mal-preżentazzjoni pubblika ta’ xogħlijiet letterarji? Jew interessat taqbad il-kitba kreattiva bis-serjetà? Għandek sehem attiv fl-addattament tal-letteratura Maltija għal forom artistiċi u dixxiplini oħra? Jew sempliċiment għandek passjoni għal-letteratura Maltija u tixtieq tkabbar l-għarfien tiegħek?
Il-kors ġdid li jwassal għal Diploma fil-letteratura Maltija aktarx jinteressak.
Fadal biss xahar biex tkun tista’ tapplika għal dan il-kors li se jiftaħ fl-Università ta’ Malta f’Ottubru li ġej.
L-għan tad-Diploma huwa biex l-istudenti joħorġu mill-konfini tradizzjonali tal-letteratura, fost l-oħrajn billi jżewġu l-letteratura Maltija ma’ forom oħra ta’ arti.
Din id-Diploma qed titnieda fi żmien meta l-letteratura Maltija u l-istudju tagħha qed jaraw qawmien ġdid. Qed isir ħafna xogħol importanti kemm fl-istudju tal-lingwa u l-letteratura Maltija kif ukoll fl-oqsma tal-pubblikazzjoni, il-kitba kreattiva u t-tagħlim tagħha, l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti letterarji nazzjonali u internazzjonali bis-sehem tal-awturi Maltin, u x-xandir tal-letteratura Maltija permezz ta’ mezzi differenti. Id-Diploma għandha l-għan li tħejji lill-istudenti għal dawn ir-realtajiet analitiċi u kreattivi tas-seklu 21, u tiftaħ toroq ġodda għall-arti tal-kelma.
Id-Diploma tħares lejn l-imgħoddi u l-preżent tal-letteratura Maltija u tiffoka wkoll fuq oqsma li s’issa għadna ma stħarriġniex b’mod sistematiku, fosthom: il-kitba kreattiva, ix-xogħol tal-editjar ta’ manuskritt letterarju, il-qari tal-letteratura fil-pubbliku u fuq il-mezzi tax-xandir, il-promozzjoni tal-letteratura fuq l-internet, l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet letterarji fil-komunità, iż-żwieġ bejn il-letteratura u forom oħrajn tal-arti, u l-kitba ta’ reċensjonijiet ta’ kotba tal-letteratura.
Il-kors jiftaħ darba kull sentejn u qed jitmexxa mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta. Bi ftehim mad-Dipartiment tal-Malti, Banif Bank (Malta) plc se jħallas sa massimu ta’ €2,000 mill-ħlas tal-kors għall-istudent/a li t/jiġi l-ewwel fil-kors. Barra minn hekk, il-Kunsill Malti għall-Arti se jagħti l-għajnuna finanzjarja tiegħu għall-aħjar erba’ proġetti ta’ studenti fit-tieni sena tal-kors.
Id-Diploma fuq bażi part-time, se tkun mifruxa fuq sentejn bil-lezzjonijiet isiru kull nhar ta’ Tnejn u nhar t’Erbgħa filgħaxija mill-5.30pm sat-8.30pm.
X’għandek bżonn u kif tista’ tapplika?
Dawk li jixtiequ jidħlu għal dan il-kors universitarju jeħtieġu grad C jew ogħla fil-livell Avvanzat tal-Malti. Jistgħu japplikaw ukoll dawk li għalqu t-23 sena qabel il-ftuħ tal-kors: il-proċedura fil-każ ta’ dawn l-istudenti maturi tkun li ssirilhom intervista mid-Dipartiment tal-Malti.
Dawk li huma interessati jistgħu japplikaw billi jidħlu f’din il-paġna tas-sit tal-Università minn issa sa qabel il-21 ta’ Lulju li ġej: www.um.edu.mt/apply.
Id-deskrizzjoni dettaljata u avviżi oħra fuq il-kors jidhru kemm fuq is-sit tal-Università, www.um.edu.mt/arts/malti/avvizi/diploma-letteratura, kif ukoll fuq Facebook, www.facebook.com/uom.diplittmalt.
Aktar tagħrif jista’ jinkiseb b’ittra elettronika lil malti.arts@um.edu.mt jew b’telefonata lin-numru 2340 3387.