Il-kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, Dione Borg, qal li Gvern Laburista għaġġel meta ta d-drittijiet lill-persuni omosesswali, fost l-oħrajn, biex dawn jidħlu f’unjoni ċivili u eventwalment iż-żwieġ tagħhom anke ġie rikonoxxut mill-istat.
Borg qal dan waqt intervista li saritlu, fejn ġie anke mistoqsi jekk il-Partit Nazzjonalista żammx lin-nies fiċ-ċentru tal-politika tiegħu, meta quddiem vot biex persuni mill-komunità LGBTIQ+ jingħataw id-drittijiet li jistħoqqilhom u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista astjeniet.
Iżda, minflok ammetta li l-PN dakinhar taħt l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, għalaq għajnejh quddiem it-tbatija li anke tgħaddi minnha din il-komunità, Dione Borg qal li Gvern Laburista għamel dan għall-gwadann politiku tiegħu u li ried ikun hemm diskussjoni.
“John ħa ngħidlek, aħna għexnih dak il-mument, inti taqbel miegħi li s-soċjetà Maltija kellha bżonn aktar diskussjoni qabel nieħdu dawk id-deċiżjonijiet? U m’għamilniehomx. Jiena nemmen li l-Gvern Laburista uża dik l-issue għall-benefiċċju partiġġjan.”
Kandidat Nazzjonalista Dione Borg
Fl-istess ħin li rapporti Ewropej u internazzjonali jpoġġu lil Malta fil-quċċata fejn jidħlu d-drittijiet ċivili, Dione Borg qal li qabel dawn l-avvanzi messu kien hemm rapporti professjonali.
“L-ewwel is-soċjetà kellha tagħmel id-diskussjonijiet, fiha nfisha, l-ewwel kellu jkollna rapporti professjonali u minn dan ma sar xejn.”
Kandidat Nazzjonalista Dione Borg
Mistoqsi mill-preżentatur dwar minn xiex kien qed jibża’ l-Partit Nazzjonalista biex jivvota favur dawn id-drittijiet, li llum bihom ingħaqdu mijiet ta’ familji, Dione Borg qagħad idur mal-lewża u weħel f’ilsienu.
“X’kienet il-biża’? Kien hemm sens ta’, ta’ ta’ ħtieġa ta’ aktar diskussjoni.”
Kandidat Nazzjonalista Dione Borg