Il-fazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qed tagħmel minn kollox biex timmina lil David Casa, il-Membru tal-Parlament Ewropew.
Għaldaqstant, iddeċidew li jitolbu lil Dione Borg biex hu wkoll jikkontesta l-elezzjoni ta’ Mejju li ġej.
Zvelat dan il-gazetta Kullħadd.
Fil-ħarġa tal-Ħadd, intqal li kien hemm mumenti fejn il-ħsieb kien li David Casa ma jitħalliex jikkontesta l-elezzjoni tas-sena d-dieħla, bl-iskuża tkun li hu marbut wisq mal-aħħar telfiet tal-Partit Nazzjonalista u l-partit għandu bzonn jibda paġna ġdid.
Iżda, meta Adrian Delia kellu jirtira mis-sospensjoni ta’ Simon Busuttil wara l-inkjesta Egrant, irrealizzaw li kien se jkollhom iktar inkwiet jekk jagħmlu dan il pass.
Il-klikka ta’ Delia diġà għandha lil Frank Psaila u Michael Briguglio, iżda konxji li David Casa jiġbor lejh l-iktar il-vot tal-akkaniti Nazzjonalisti.
Għaldaqstant, dahru fuq Dione Borg.
Il-Kullħadd qalet li Frank Psaila ma tantx ħa gost, għax kellu l-appoġġ tal-istess Borg.
Dione Borg huwa ġurnalist li ilu żmien twil fil-midja tal-Partit Nazzjonalista, u filwaqt li l-ebda amministrazzjoni ma qisitu bħala xi wieħed mill-favoriti tagħha, ħadd ma jikkontesta l-lealtà tiegħu lejn il-partit.
Fil-fatt kien għalhekk li ta’ Delia ħassewhom komdi jduru fuqu anke jekk wara li appoġġja lill-Kap, Borg ma ħax dak li xtaq.
Tant li minn imkien tfaċċa Jesmar Baldacchino għall-kariga ta’ Direttur Komunikazzjoni, meta kulħadd kien jaf li kien qed jippretendiha l-istess Borg.
Il-Kullħadd kompliet tizvela li l-kampanja ta’ Borg bdiet bil-mod, u ħafna nnotaw kif anke meta din il-ġimgħa għamel dokumentarju fuq l-Eks Ministru Carmelo Mifsud Bonnici, ħa ħsieb li jidher għal iktar minn darba.
Oħrajn rawh ukoll f’xi attivitajiet pubbliċi, fejn deher evidenti li kien qed jikkampanja.
David Casa huwa wieħed minn dawk fil-Partit Nazzjonalista li l-lealtà tiegħu mhix lejn Adrian Delia.
Kien wieħed milli kkampanja bil-kbir għal Chris Said u eventwalment għamilha ċara kemm-il darba li hu jippreferi l-linja ta’ Simon Busuttil jew il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, li meta kienet ghadha ħajja tgħidx kemm allegat u għajret lill-Kap Nazzjonalista.
Quddiem id-dgħufija ta’ Delia, Casa qed jibqa’ jħossu b’saħħtu, imma fl-istamperija qed jagħmlu minn kollox biex jimminawh, u l-mossa Dione Borg jaf mhix l-aħħar waħda.