Il-funeral ta’ Papa Franġisku se jsir is-Sibt filgħodu fi Pjazza San Pietru l-Vatikan fejn mijiet ta’ eluf mistennija jattendu biex jagħtu l-aħħar tislima tagħhom lil dan il-Papa Arġentin li ħa l-aħħar nifs ta’ ħajtu t-Tnejn 21 t’April.
Fost dawn bosta dinjitarji u mexxejja prominenti li għalkemm mhux kollha jħaddnu t-twemmin tal-Knisja Kattolika Rumana jixtiequ juru r-rispett tagħhom lejn dan il-mexxej ta’ komunità li tħaddan fiha kważi biljun u nofs persuna. Papa Franġisku kien bniedem umli, li fis-sempliċità tiegħu irnexxielu jwassal il-messaġġ ta’ mħabba, għaqda u inklużjoni speċjalment għall-gruppi minuri u dawk emarġinati mis-soċjeta.
Presidenti, Prim Ministri u Familji Rjali qed iħejju biex jivjaġġaw għal Ruma f’dik li se tkun waħda mill-akbar laqgħat ta’ mexxejja dinjija mill-funeral ta’ Ġwanni Pawlu II. Dan minkejja li Papa Franġisku qatt ma qagħad lura u pubblikament ikkritika l-operat ta’ ħafna minnhom fosthom il-President ta’ pajjiżu l-Arġentina.
Wieħed mill-ewwel kapijiet ta’ stat li kkonferma l-attendenza tiegħu kien il-President Amerikan Donald Trump fejn filwaqt li sellem lill-Papa fuq il-mezzi soċjali qal li kien se jattendi l-funeral flimkien ma’ martu Melania.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky it-Tlieta wkoll ikkonferma li se jattendi l-funeral hekk kif elenka l-impenn ta’ Papa Franġisku għall-paċi fl-Ukrajna u l-appoġġ tiegħu għall-poplu Ukren wara l-invażjoni mir-Russja.
Nieqes mil-lista ta’ mexxejja kbar se jkun il-President Russu Vladimir Putin li għandu mandat ta’ arrest mill-Qorti Kriminali Internazzjonali relatat mal-invażjoni u l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna iżda r-Russja xorta mistennija li tkun irrappreżentata waqt il-funeral.
L-Unjoni Ewropea se tkun irrappreżentata mill-President tal-Kummisjoni Ursula von der Leyen, il-President tal-Kunsill António Costa u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. Ikkonferma wkoll l-attendenza tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda António Guterres.
F’Ruma s-Sibt se jkun hemm ukoll il-President Franċiż Emmanuel Macron filwaqt li l-Belġju se jkun irrappreżentat mill-Prim Ministru Bart De Wever u r-Re Filippu u r-Reġina Matilda. Il-monarkija Spanjola wkoll se tkun preżenti bir-Re Filippu VI u r-Reġina Letizja diġà kkonfermati.
Sintendi l-Italja se tkun irrappreżentata mill-President Sergio Mattarella u l-Prim Ministru Giorgia Meloni.
Il-President Ġermaniż Frank-Walter Steimeier se jkun akkumpanjat mill-Kanċillier uxxenti Olaf Scholz. Se jattendi wkoll il-Prim Ministru Brittaniku Keir Starmer filwaqt li r-rappreżentant tal-familja rjali se jkun il-Prinċep ta’ Wales William. Il-President Awstrijak Alexander Van der Bellen se jkun qed jattendi mal-Kanċillier Christian Stocker.
Mistennija jattendu wkoll il-Presidenti tal-Portugal Marcelo Rebelo de Sousa, tal-Litwanja Gitanas Nauseda, tal-Iżvizzera Karin Keller-Sutter, tal-Polonja Andrzej Duda, tal-Estonja Alar Karis, tal-Latvja Edgars Rinkevics, tal-Moldova Maia Sandu, tas-Slovakkja Peter Pellegrini, tas-Slovenja Natasa Pirc Musar u l-aġent President tar-Rumanija Ilie Bolojan li se jkollu miegħu l-Prim Ministru Marcel Ciolacu.
Il-President Irlandiż Michael D. Higgins se jkun qed jattendi flimkien mat-Taoiseach (Prim Ministru) Micheál Martin.
Mill-Amerika t’Isfel se jattendu l-President Brażiljan Luiz Inácio Lula da Silva u dak Arġentin Javier Milei.
Ilbieraħ tħabbar ukoll li d-delegazzjoni Maltija li se tattendi l-funeral se tkun komposta mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u żewġha Anthony Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia Abela kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Il-Gvern Taljan, it-Tlieta qal li kienu qed jistennew mal-200,000 barrani li se jivjaġġaw għal Ruma sabiex jattendu l-funeral. Minkejja li l-Vatikan huwa stat sovran, jinsab fil-qalba tal-belt kapitali Taljana u għalhekk l-Italja se tkun qed tgħin f’ċertu elementi tal-loġistika.
Minkejja dan ħafna qed jgħidu li l-figuri se jkunu ferm akbar meta wieħed iqis li għall-funeral ta’ Ġwanni Pawlu II kien hemm madwar 4 miljun ruħ. Din id-darba d-differenza hi, li l-pajjiż nattiv ta’ Ġwanni Pawlu II kien il-Polonja li jinsab qrib biżżejjed sabiex kienu ħafna li vjaġġaw minn hemm għall-funeral filwaqt li Papa Franġisku ġej mill-Arġentina li hi pjuttost distanti.