Qatt staqsejt lilek innifsek dwar kif jissawru l-ilwien? Kif il-bniedem tgħallem iħallat u jipproduċi kuluri ġodda, u liema huma l-komponenti ta’ kull lewn differenti?
Jekk iva, allura ġietek l-istess kurżità li qanqlet lill-kavallier Portugiż Fra’ Diogo de Carvalho e Sampaio biex jistudja l-kuluri fil-fond waqt li kien qed jgħix f’Malta lejn tmiem is-seklu 18.
L-istudji tiegħu ppubblikahom fi trattat li inti tista’ tarah b’għajnejk f’masterclass esklużiva organizzata minn Heritage Malta.
Fra Diogo wasal Malta fl-1785 u beda jistudja l-kuluri wara li ġietu kurżità dwarhom. Aktar tard, meta kien qed jgħix fi Spanja, huwa kiteb kotba oħra dwar l-ilwien, liema kotba ġew innotati minn teoristi Ewropej.
Il-masterclass se ssir minn Cláudia Garradas, fis-sala tal-konferenzi ta’ MUŻA, il-Belt Valletta, fid-29 ta’ Settembru bejn is-6:30pm u s-7:30pm. Il-parteċipanti jkunu jistgħu jaraw mill-qrib ix-xogħol ta’ Fra’ Diogo, li jinkludi kampjuni tal-injam miżbugħin bl-idejn mill-awtur innifsu. Wara l-preżentazzjoni ta’ Cláudia Garradas, il-parteċipanti jinqasmu fi gruppi żgħar ta’ sitt persuni biex jingħataw spjegazzjoni iktar fid-dettall dwar dan id-dokument storiku.
Id-dħul għall-masterclass hu bla ħlas, iżda wieħed irid jibbukkja minn qabel; onlajn minn www.heritagemalta.org jew fiżikament minn kwalunkwe sit jew mużew ta’ Heritage Malta.