Applikazzjoni ta’ outline permit preżentata fl-1 ta’ Ġunju għat-twaqqigħ u żvilupp mill-ġdid tal-eks fabbrika tal-isplussiv f’Ħad-Dingli, iktar magħrufa mir-residenti bħala l-fabbrika tal-Ġelatina fiż-żona tal-Qaws, f’resort u spa ma niżlet tajjeb xejn mar-residenti Dinglin li se jkunu qed jagħmlu minn kollox biex joġġezzjonaw l-hekk imsejjaħ żvilupp propost.
Wara laqgħa mar-residenti fl-aħħar jiem, is-Sindku ta’ Ħad-Dingli Sandro Azzopardi stqarr li “l-ambjent rurali għandu jibqa kif inhu! Il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli dejjem poġġa fuq quddiem l-interess tad-Dinglin u se jkun qed ikompli jagħmel dan. Se nagħmel ħilti kollha u nieħu l-passi kollha neċessarji sabiex skont ix-xewqa tad-Dinglin dan jibqa’ bla mittiefes.”
L-Applikanti Dirk Hili, Bianca Anastasi u Veli Holdings huma l-propjetarji tal-kumapnija La Toc Hotels Limited, liema kumpanija ġiet iffurmata fl-2014. Il-pjan għal din il-lukanda jinvolvi eskavazzjoni tas-sit sabiex jiġu kreati tliet livelli sotterrani: tnejn minnhom għall-parkeġġ u l-ieħor bħala restorant, spa, kċina, reception u bar lounge.
Il-pjanti sottomessi jindikaw li l-lukanda hija proposta fuq 11-il blokka separata b’ żewġ pixxini. Jekk approvat dan se jkun qed jirrikjedi tqattigħ tal-art sabiex jitwassal id-dawl u l-ilma. Żvilupp lussuż jekk mhux għall-impatt ambjentali negattiv li se jkun qed iħalli fuq iż-żona ODZ.
Iżda din mhix l-ewwel darba li d-Dinglin raw l-ambjent tagħhom mhedded. L-Awtorità tal-Ippjanar diġà kienet irrifjutat applikazzjoni simili ħafna għal dan l-iżvilupp 17-il sena ilu. Fis-sena 2000 kemm l-Awtorità kif ukoll il-Bord tal-Appell irrifjuta applikazzjoni li kienet ġiet ippreżentata mis-Sur Edgar Pugliesevich li kienet tbiddel l-użu tal-fabbrika għall-użu agrikolu, edukattiv kif ukoll residenzjali.
Infatti l-iżvilupp kien ġie rrifjutat minħabba li ż-żona kienet taqa’ f’Żona ta’ Konservazzjoni Rurali. Barra minn hekk, l-iżvilupp kif propost ma kienx meqjus li jirrappreżenta b’mod sostanzjali kontribuzzjoni għall-agrikultura, ekoloġija jew għax-xenajru mill-isbaħ li toffri din iż-żona.
Gvern Nazzjonalista ried jirriloka l-materjal splussiv li jiġi użat għall-manifatturar tal-murtali f’din iż-żona. Din il-proposta rat il-korla tar-residenti Dinglin u l-Kunsill Lokali li kienu oġġezzjonaw bil-kbir hekk kif is-sit jinsab f’żona protetta klassifikata bħala Natura 2000 u żona speċjali ta’ konservazzjoni. Infatti, l-applikazzjoni kienet ġiet irrifjutata.
Is-Sindku ta’ Ħad-Dingli tenna li l-użu jew aħjar in-nuqqas ta’ użu ta’ din iż-żona m’għandux jintuża bħala ġustifikazzjoni sabiex jiġi akkomodat dan l-iżvilupp. Dan kien il-ħsieb ewlieni li ħareġ wara konsultazzjoni pubblika li l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli għamel mar-residenti tiegħu l-ġimgħa li għaddiet. Kienu ħafna r-residenti u l-bdiewa li għandhom l-għelieqi tagħhom fil-madwar li esprimew rabja kbira għal dak li ddiskrivew bħala “sfreġju f’żona ta’ Natura 2000.”