Matul il-lejl li ġej, sittin persuna fosthom wieħed mitluf minn sensih, mistennija jiddaħħlu f’Malta.
Dan wara li l-mutur tad-dinghy waqaf jaħdem u beda jegħreq bil-persuni abbord minħabba qarsa kbira li għandu fuq quddiem.
Minn informazzjoni li għandu ONE News il-Forzi Armati Maltin bdew b’operazzjoni ta’ salvataġġ biex isalvaw il-ħajjiet tal-persuni abbord.
Intant, ebda żblokk dwar is-sitwazzjoni tad-dgħajsa b’mija u sebgħa u sebgħin immigrant li ġiet interċettata l-Ħamis filgħaxija mil-Gwardja tal-kosta Taljana fiż-żona Maltija ta’ tiftix u salvataġġ.
Rapporti fil-midja Taljana qed jirrapportaw li bħalissa l-immigranti jinsabu abbord il-patrol boat Taljana Diciotti fl-ibħra territorjali tal-Italja, fejn qed jistennew struzzjonijiet mill-awtoritajiet Taljani biex jidħlu Lampedusa jew port ieħor fl-Italja.
Fil-bidu l-għadd ta’ immigranti kien ta’ mija u disgħin iżda tlettax minnhom, fosthom tfal u mara li ġarrbet vjolenza fil-Libja, ġew trasferiti lejn sptar f’Lampedusa għax kellhom bżonn il-kura.
Dwar dan il-każ, il-Gvern Malti qal li l-immigranti rrifjutaw l-għajnuna tal-Forzi Armati Maltin u f’każ li l-awtoritajiet Taljani jqisu dan bħala każ ta’ tiftix u salvataġġ, l-eqreb port sigur skont il-konvenzjonijiet jibqa’ dak ta’ Lampedusa.