Id-Direttorart għat-Tindif investa f’dinghy biex nibdew innaddfu dawn iż-żoni aħna stess u b’hekk se nkunu qed innaqqsu l-iskart minn fuq il-bajjiet tagħna.
Id-dinghy se jintuża wkoll għal ġbir ta’ annimali mejta fil-baħar – xi ħaġa li hi komuni ħafna fix-xhur tas-sajf.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi ħabbar ukoll investiment f’magna li taħsel il-wheelie bins. Magna eco-friendly li meta tkun qed tiffunzjona ma twaqqax ilma mal-art. L-ilma tagħha huwa riċiklabbli. Il-magna se tiffaċilita l-ħidma ta’ dawk il-ħaddiema li jaħslu l-kontenituri tal-iskart. Sal-lum il-kontenituri tal-iskart jinħaslu billi jittieħdu minn fuq il-post. Permezz ta’ din il-magna jistgħu jinħaslu l-kontenituri tal-iskart li għandna fit-toroq arterjali tagħna.
B’kollox hawn 1,400 wheelie bin fuq il-bajjiet u se nkunu qed jiżdiedu 500 oħra fil-ġranet li ġejjin.
Tħabbar ukoll investiment ġdid ta’ tliet vannijiet ġodda, liema vetturi se jibdew jintużaw ta’ kuljum mill-ħaddiema ta’ dan id-Direttorat.
“Qed naħsbu biex nakkomodaw iktar Kunsilli Lokali fit-talbiet tagħhom, però biex dan isir hemm bżonn ta’ iktar riżorsi umani u iktar makkinarju. Preżentament qed nagħtu għajnuna lil 17-il Kunsill Lokali u din l-għajnuna hi vvalutata għal iktar minn € 1.2 miljun. Hemm Kunsilli oħra li qegħdin fil-pipeline biex nagħtuhom għajnuna wkoll – speċjalment Kunsilli Lokali fin-naħa t’isfel tal-pajjiż li għal snin sħaħkienu fi stat ta’ abbandun.”
Il-Ministru Mizzi qal li f’dawn l-aħħar tliet snin id-Direttorat investa €400,000 bil-għan li jkompli jimmodernizza l-flotta tad-Direttorat għat-Tindif.