Id-digriet li ħarġet il-Knisja dwar il-purċissjonijiet tad-Duluri, il-Ġimgħa l-Kbira u tal-Irxoxt kien mistenni iżda għad-dilettanti tat-tradizzjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa kienet daqqa ta’ ħarta.
Riżultat tal-imxija COVID 19 dawn l-attivitajiet reliġjużi tħassru.
Charles Coleiro, kummentatur dwar il-festi u li t-tradizzjonijiet huma wisq għal qalbu ħadna lura fiż-żmien meta l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa Kbira ma kinux saru meta laqtitna l-pesta fi żmien il-Kavallieri.
Coleiro stqarr, “Jekk nsemmu l-pesta tal-1575 li damet sejra sena sħiħa mhux talli ma sarux purċissjonijiet talli lanqas quddies ma kien isir fil-knejjes.”
Fl-1813 kienet reġgħet faqqgħet l-pesta f’pajjiżna fejn kienet ħasdet l-ħajja ta’ madwar erba’ t’elef u ħames mitt ruħ u kienet laqtet diversi rħula u bliet fosthom anki nħawi f’Għawdex.
Iżda waħda mill-ibliet li ma ntlaqtitx kienet dik tal-Isla u bħala ringrazzjament is-Sengleani bnew statwa tal-ġebel magħrufa bħala l-istatwa tan-nofs fi Triq Irjal.
Coleiro kompla jgħid, “U dik kienet ġġib l-isem ta’ Causa Noste Letizie jiġifieri bidu ta’ ferħ tagħna ringrazzjament talli l-bambin ħeles lill-Isla naturalment flimkien ma xi żewġ irħula oħra milli jkun hemm it-traġedji u jkun hemm l-imwiet.”
Intant f’sitwazzjonijiet li laqtu lil Malta f’aktar żminijiet riċenti kien hemm dik tat-tieni gwerra djinjia.
Charles Coleiro spjega li minkejja li f’Malta kienu tħassru l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, f’Għawdex l-istorja kienet differenti.
Saħaq, “L-aħħar gwerra li għaddiet f’Għawdex kienu jsiru l-purċissjonijiet almenu tar-Rabat dik ta’ San Ġorġ kienet issir xorta imma kienet tidħol qabel ma jidlam.”
Is-Sur Coleiro żied jgħid li dak iż-żmien ir-reazzjoni kienet waħda ta’ diżappunt akbar minħabba li n-nies kellhom inqas avvenimenti fejn jattendu.
Saħaq ukoll li ma kienx hemm il-lussu tal-lum li tista ssegwi l-quddiesa fuq it-televiżjoni jew fuq il-midja soċjali.
Ikkonkluda jgħid, “Il-Ġimgħa l-Kbira isimha magħha, tħossha iktar l-assenza mbagħad.”